Permezz ta’ diversi attivitajiet ta’ taħriġ u outreach, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qed jagħti informazzjoni u l‑ħiliet biex in-nies ikunu jistgħu jidentifikaw il‑flus foloz u b’hekk tintensifika l‑ġlieda kontra l‑iffalsifikar. Hekk qal Jesmond Gatt, Chief Officer għall‑Banking Operations fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta, f’komunikat lill-media.
Fl‑2019, aktar minn 1,500 professjonist f’istituzzjonijiet finanzjarji kienu rreġistrati fi programmi ta’ taħriġ online mogħtija mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta, li l‑għan tagħhom kien li jtejbu l‑familjarità tagħhom mal‑karatteristiċi tas‑sigurtà tal‑ewro. Dawk li jiksbu marka tal‑inqas ta’ 80% jingħataw ċertifikat validu għal sentejn.
Il‑Currency Operations Office tal‑Bank ipprovda wkoll taħriġ fil‑post għal aktar minn 200 persuna li jimmaniġġjaw il‑flus f’istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji differenti u għal madwar 300 persuna li jimmaniġġjaw il‑flus fil‑ħwienet.
Sabiex jikkumplimenta t‑taħriġ, il‑Bank Ċentrali jwettaq kontrolli regolatorji fuq il‑magni użati minn banek kummerċjali sabiex jivvalidaw l‑awtentiċità tal‑karti tal‑flus, u jassisti lill‑bejjiegħa li jridu t‑tagħmir tagħhom stess jiġi evalwat għas‑serħan tal‑moħħ.
Il‑Currency Operations Office tal‑Bank jikkollabora wkoll mal‑Ministeru għall‑Edukazzjoni sabiex joffri programm ta’ għarfien dwar l‑ewro bit‑titlu ‘Money Matters’. Għalkemm prinċipalment maħsub għat‑tfal, il‑programm se jilħaq ukoll numru ta’ ġenituri b’mod indirett.
Ser isiru sessjonijiet hands‑on f’diversi skejjel li matulhom il‑karti tal‑flus ġenwini u foloz ser jingħataw f’idejn l‑istudenti biex jiskopru d‑differenzi fis‑sens tal‑mess u dawk viżwali bejn it‑tnejn. Minbarra dan, hija pprovduta informazzjoni dwar it‑tfassil tal‑karti tal‑flus, iċ‑ċiklu tal‑flus u l‑Bank Ċentrali Ewropew. Madwar 600 student u studenta mill‑iskejjel sekondarji kienu involuti b’dan il‑mod matul l‑2019.
Fl‑aħħar inizjattiva tiegħu, il‑Bank nieda fuljett b’informazzjoni li tenfasizza l‑karatteristiċi ewlenin tas‑sigurtà tal‑euro. Il‑fuljett huwa miktub bil‑Malti u l‑Ingliż sabiex jilħaq udjenza usa’ fost il‑popolazzjoni studenteska multikulturali tal‑lum. Il‑cut‑outs tal‑muniti u l‑karti tal‑flus tal‑euro li jinsabu fil-fuljett jgħinu lit‑tfal jiffamiljarizzaw ruħhom mal‑euro u jipprattikaw il‑ħiliet matematiċi.
L‑informazzjoni nxterdet ukoll permezz ta’ xandiriet tat‑televiżjoni u r‑radju, u numru kbir ta’ materjal stampat.
Għal aktar tagħrif dwar taħriġ u edukazzjoni, il‑pubbliku ġentilment mitlub jibgħat email lil ciantara@centralbankmalta.org jew iċempel fuq (+356) 2550 6010.
//= $special ?>