Lokali

Tobba tal-familja jilmentaw li mhux preparati jekk il-Coronavirus jasal f’Malta

Ħadd mit-tobba tal-familja mhu ppreparat għall-Covid-19 u laqgħa li kellha ssir il-Ġimgħa mat-tobba, ġiet posposta għall-ġimgħa d-dieħla.

Fi kliem it-tabib Jan Chircop, it-tobba tal-familja m’għandomx l-għodod neċessarju biex jipproċessaw każ tal-Coronavirus. “Ilni nitkellem, pero’ kollox qed jaqa’ fuq widnejn torox.”

Kien dan l-appell imqanqal li għamel it-tabib Chircop permezz ta’ post twil fuq Facebook, fejn insista li m’hemmx lok għall-allarmiżmu. Madankollu qal li jinsab imħasseb ferm dwar in-nuqqas ta’ preparamenti li ttieħdu mid-dipartiment tas-saħħa.

Id-dubji dwar dak li qed jiġri lokalment komplew jikbru wara li diversi ġenituri kellhom jiġu msejħa sabiex jiġbru lit-tfal tagħhom mill-iskola hekk kif irriżulta li xi studenti xorta waħda ntbagħtu l-iskola minkejja li ngħataw il-parit sabiex jinżammu d-dar taħt kwarantina.