Futbol Sport

Birkirkara se jaffrontaw lil Floriana fl-aħjar mument tagħhom

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Din il-ġimgħa jingħata spazju għall-partiti mill-aħħar tmienja tal-FA Trophy. Ir-rebbieħa u l-finalisti tal-istaġun li għadda, jiġifieri Balzan u Valletta, jibdew favoriti li jerġgħu jagħmluha għas-semifinali. Iż-żewġ konfronti l-oħra huma aktar bilanċjati. Tispikka Floriana v Birkirkara, logħba li se ttemm il-ħolma ta’ tim fin-naħa ta’ fuq tal-Kampjonat Premier li jirbaħ l-FA Trophy.

Floriana v Birkirkara

Jekk hemm tim fil-forma dan hu żgur Birkirkara. Ħames rebħiet u żewġ draws fl-aħħar seba’ logħbiet fil-kampjonat iżda minkejja din is-serje pożittiva, xorta għadhom fis-sitt post. Dan għalkemm issa jinsabu ħames punti bogħod mit-tielet post. Il-konfront ta’ għada kontra wieħed mil-leaders tal-kampjonat Floriana, hu importanti għaliex bħal timijiet oħra, Birkirkara qed iħarsu lejn il-kompetizzjoni wkoll biex jiksbu post fl-Ewropa.

Din il-logħba mistennija tkun l-aħjar waħda fi tmiem il-ġimgħa. Iż-żewġ timijiet iltaqgħu darbtejn fil-kampjonat. Floriana rebħu fl-ewwel rawnd 1-0 f’logħba li Birkirkara kienu pjuttost sfortunati u fit-tieni rawnd kienu Birkirkara li ħarġu rebbieħa bl-istess skor, għalkemm Floriana kienu sfortunati. Aktar minn hekk, it-telfa ta’ Floriana kienet l-ewwel waħda fil-kampjonat wara rawnd sħiħ mingħajr telfa. Minn dakinhar, Floriana rebħu biss kontra Balzan u Tarxien Rainbows, salvaw draw lejn it-tmiem kontra Gżira United u tilfu kontra Valletta u Gudja United.

Minkejja dawn ir-riżultati, il-kowċ ta’ Floriana Vincenzo Potenza ċaħad li t-tim jinsab taħt pressjoni żejda wara l-aħħar logħbiet. Fuq in-naħa l-oħra d-Direttur Tekniku ta’ Birkirkara Michael Valencia qal li jemmen li jistgħu jegħlbu lil Floriana, għalkemm saħaq li hi l-itqal polza għaliex it-tnejn ma xtaqux jilagħbu kontra xulxin f’dan l-istadju.

(Ritratt: Martin Agius)

Hibernians v Ħamrun Spartans

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn telfiet ta’ 2-1. Hibernians tilfu kontra Birkirkara u Ħamrun Spartans ġew megħluba minn Mosta. It-tnejn jittamaw li jgħaddu għas-semifinali, b’Hibernians jibdew favoriti f’dan il-konfront. Il-kowċ Pawlist Stefano Sanderra qal li t-tim ried jirkupra mill-aspett psikoloġiku wara l-logħba kontra Birkirkara. Hibernians fl-aħħar logħbiet qed isibuha wkoll diffiċli biex jiskorjaw b’ħames gowls fl-aħħar erba’ logħbiet.

Fuq in-naħa l-oħra, Andrea Ciaramella, kowċ ta’ Ħamrun, jinsab konxju mill-mument li t-tim jinsab fih u jittama li jkun ta’ sfida għal Hibernians. Ciaramella mexxa lil Ħamrun fl-aħħar tliet logħbiet, b’rebħiet konsekuttivi fuq Sirens u Senglea Athletic. Dawn il-punti għenuhom jitilgħu lejn nofs il-klassifika. Iż-żewġ timijiet iġedded memorji liż-żewġ settijiet ta’ partitarji hekk kif Hibernians rebħu l-FA Trophy għaxar darbiet filwaqt li Ħamrun ħarġu rebbieħa f’sitt okkażjonijiet. Iżda dawn it-tnejn qatt ma ltaqgħu fil-finali kontra xulxin.

(Ritratt: Martin Agius)

Valletta v Gudja United

Ir-rebħa kontra Gżira United fl-aħħar logħba, nisslet fiduċja ġdida li Valletta jistgħu jirbħu l-kampjonat għat-tielet staġun konsekuttiv. Dik il-logħba kienet id-debutt ta’ Giovanni Tedesco bħala kowċ u dan il-konfront jitqies importanti daqs il-logħba preċedenti. Fit-tieni logħba fit-tmexxija tiegħu, Tedesco jrid jerġa’ jirbaħ iżda anki għaliex telfa f’din il-logħba, tfisser li Valletta jitilfu waħda mill-miri prinċipali.

Quddiemhom se jsibu tim ta’ Gudja United li kapaċi joħloq sorpriża. Floriana jafuh tajjeb għaliex rebħulhom ġimagħtejn ilu u minbarra li jkomplu javvanzaw, sorpriża f’dan il-konfront jista’ jagħti kuraġġ ġdid fl-aħħar parti tal-istaġun. Josef Mansueto, kowċ ta’ Gudja, jemmen li t-tim irid ikun mentalment iffukat f’dawn il-logħbiet. Il-kowċ ta’ Valletta Giovanni Tedesco qal li minkejja li jibdew favoriti, logħbiet bħal dawn huma riskjużi, xi ħaġa li t-Taljan jaf biżżejjed. Dan għaliex f’dan l-istaġun ma’ Gżira United, ġie eliminat minn Senglea Athletic.

Balzan v Pietà Hotspurs

Il-polza ta’ Balzan mal-aħħar tmienja hi l-aktar favorevoli hekk kif se jaffrontaw l-uniku tim li fadal mill-Kampjonat Premier. Għalhekk Balzan huma mistennija li jgħaddu għas-semifinali kontra tim li jinsab f’nofs il-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni. Balzan li huma r-rebbieħa tal-istaġun li għadda, jidher li qed isegwu triq simili biex jiksbu post fl-Europa League għas-sitt staġun konsekuttiv. Il-pożizzjoni tagħhom fil-klassifika tagħmilha diffiċli għalihom biex jiksbu post fl-Ewropa u hi biss din il-kompetizzjoni li tgħinhom jiksbu dan l-għan.

L-istaġun li għadda rnexxielhom jagħmluha, suċċess li kien l-ewwel wieħed fl-istorja tal-klabb. Il-kowċ Jacques Scerri jinsab kunfidenti għal din il-logħba u mistenni anki jilgħab bl-aħjar formazzjoni biex jevita li jkun hemm xi sorpriża. Jekk id-differenza fil-kwalità diġà tagħmilha diffiċli, il-forma ta’ Pietà fl-aħħar logħbiet tkompli ttaqqal l-ostaklu li għandhom quddiemhom. Fl-Ewwel Diviżjoni huma jinsabu aktar viċin isfel milli fuq u fl-aħħar tmien logħbiet kisbu biss erba’ punti.

FA Trophy

Kwarti finali

Illum

Hibernians Stadium: Balzan v Pietà Hotspurs 2.00pm, Valletta v Gudja United 4.15pm

Għada

Stadium Nazzjonali: Hibernians v Ħamrun Spartans 2.00pm, Floriana v Birkirkara 4.15pm