Internazzjonali Saħħa

COVID19: Ikompli jinfirex il-virus; l-ewwel każ fil-Lazio, l-Italja

Il-Korea t’isfel irreġistrat l-akbar żieda ta’ każi ta’ coronavirus f’ġurnata waħda, hekk kif fl-aħħar 24 siegħa ġew reġistrati 594 każ ġdid.

Dan itella għal 2,931 in-numru ta’ persuni nfettati fil-pajjiż.

Sa issa kienu 17 il-persuni li mietu bil-virus fil-Korea t’isfel.

Intant qed jikber ukoll it-tħassib li xi pajiżi mhux qed jikxfu ċ-ċifri reali tan-numru ta’ każi tal-virus. Fost dawn hemm il-Korea ta’ fuq.

U fl-Italja reġistrat l-ewwel każ tal-virus fir-reġjuna tal-Lazio, hekk kif il-mejta fil-pajjiż telgħu għal 21, b’aktar minn 820 każ ieħor reġistrat.

Sadanittant anke l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa wissiet li għandna nkunu realistiċi u nifhmu l-ħtieġa li d-dinja kollha tingħaqad biex tiġġieled dan il-virus. Dan hekk kif qalet ukoll li l-livell ta’ riskju ta’ pandemija globali huwa kbir.

Il-WHO għolliet il-livell ta riskju minn għoli għal għoli ħafna., li jfisser li kif ikun hemm suspett ta’ każ tal-virus, jeħtieġ tittieħed azzjoni immedjata biex ikun imwaqqaf aktar tixrid.