Futbol Sport

Il-holders Balzan eliminati fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy minn Pietà

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: Luke Micallef

BALZAN………………………… 0

PIETA’ HOTSPURS………….. 1

Balzan: K. Naumovski, A. Loof, D. Camilleri (P. Fenech 66’), A. Adekoya (A. Effiong 46’), S. Pisani, S. Bezzina (S. Dimic 66’), U. Ljubomirac, I. Bozovic, R. Correa Duarte, S. Arab, L. Montebello

Pietà: M. Chetcuti, J. Ghio, D. Vukovic, C. Gauci (J. Scicluna 76’), N. Pisani (T. Bartolo 88’), C. Sammut, J. L. Caetano, S. Mizzi, K. Amehi (C. Bouvet 82’), L. Mckay, I. Jalo

Imwissija: N. Pisani 90’ (P), R. Correa Duarte 90+3’ (B)

Skorjaw: J. C. Caetano 70’ (P)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Darko Stankovic

Kontra kull mistenni t-tim tal-Ewwel Diviżjoni Pietà Hotspurs elimina lit-tim tal-Kampjonat Premier u l-holders tat-titlu Balzan bl-iskor ta’ 1-0, gowl waħdieni skorjat minn Jose Lucas Caetano fit-tieni taqsima. Fil-verità Balzan kellhom ħafna aktar mil-logħob matul il-logħba kollha, iżda ma sfruttawx l-opportunitajiet li kellhom u f’mumenti kienu sfortunati wkoll b’diversi blalen jistampaw mal-lasta avversarja.

Fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-ħdax-il minuta, minn kross ta’ Ricardo Duarte Correa, bir-ras, Luke Montebello xeħet ftit għoli. Minuta wara, Balzan reġgħu kienu perikolużi. Steve Pisani għadda l-ballun lejn Luke Montebello li qabbeż fuq il-gowlkiper tal-Hotspurs bil-ballun spiċċa mal-lasta u mir-rebound Adekoya ra x-xutt tiegħu jispiċċa barra.

Fl-14-il minuta, minn korner ta’ Correa, daqqa ta’ ras ta’ Uros Ljubomirac spiċċat barra. Fit-22 minuta, xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Steve Pisani stampa mal-lasta l-mimduda ta’ Pietà. L-unika azzjoni ta’ Pietà fl-ewwel taqsima waslet fl-34 minuta b’xutt ta’ Nicholas Pisani li għadda ftit barra.

Fil-55 minuta, free-kick ta’ Correa sab lil Alfred Effiong attent, iżda ra d-daqqa ta’ ras tiegħu mxellfa f’korner. Mas-siegħa logħob, minn korner ta’ Pisani, daqqa ta’ ras ta’ Ivan Bozovic għaddiet tħakkek mal-lasta. Fit-68 minuta, minn free-kick dirett ta’ Correa, sab lill-gowlkiper ta’ Pietà attent u dawwar f’korner.

Fis-70 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, Pietà Hotspurs marru minn fuq. JOSE LUCAS CAETANO rċieva mingħand Clive Gauci u b’xutt preċiż fil-baxx fir-rokna tax-xibka għeleb lil Kristijan Naumovski. Balzan komplew jagħfsu fuq l-attakk hekk kif fis-76 minuta Luke Montebello laqat il-lasta minn kross-xutt. Żewġ minuti wara, xutt bid-dawra ta’ Effiong sab lil Miguel Chetcuti attent u dawwar f’korner. L-isforzi ta’ Balzan komplew iżda ma sarrfu fl-ebda gowl, sabiex sfaw eliminati u Pietà avvanzaw għas-semifinali tal-kompetizzjoni.