Lokali

Il-PN qed ikompli joħroġ bl-ideat

Minkejja d-diffikultajiet u l-isfidi interni, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli joħroġ b’ideat – bħala Gvern Alternattiv – biex il-poplu jkun jista’ jifhem aktar x’kapaċi joffri għal Malta u Għawdex tagħna.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li kien intervistat fuq Radju Malta dwar l-aħħar żviluppi politiċi. Qal li hi l-intenzjoni tiegħu li, fi ħdan il-Partit, jabbina l-enerġija taż-żgħażagħ mal-entużjażmu ta’ dawk li għandhom l-esperjenza.

Beda bl-aktar suġġett li bħalissa hu fuq fomm kulħadd, il-CoronaVirus, fejn innota kif mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed ikun matur u jappoġġja lill-Gvern fejn għandu jappoġġjah. Iżda barra minhekk, permezz tal-media tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jeduka lil dawk li għad għandhom id-dubji.

Il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ joħroġ il-proposti fuq suġġett wara l-ieħor, fosthom anke dwar il-Korp tal-Pulizija, li bħalissa għaddej minn skandlu ieħor. Fil-fatt, Adrian Delia fakkar kif sa ftit tal-jiem ilu, il-Korp kien immexxi minn Kummissarju mnawwar li kellu diversi każi ta’ korruzzjoni quddiemu, iżda qatt ma għamel xejn.

U wara li Joseph Muscat ma riedx ikeċċih, Robert Abela neħħieh mit-tmexxija tal-Korp, iżda tefgħu Konsulent xi mkien ieħor.

Tkellem dwar l-Isptarijiet, fejn fakkar kif fis-sena li fallew, sid il-kumpanija Vitals ingħata €5 miljun f’bonus. Dwar dan, hu reġa’ stieden lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-predeċessur tiegħu u anke lill-Ministri relatati biex jiddiskuti magħhom fil-pubbliku, la s’issa dawn għadhom jaħarbu d-diskussjoni fil-Parlament.

Waqt il-programm Għandi Xi Ngħid, immexxi minn Andrew Azzopardi, Adrian Delia qal li l-flus li qed jinsterqu bl-għoti ta’ tliet sptarijiet pubbliċi setgħu jintużaw biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tat-Tobba, l-Infermiera u ħaddiema oħra fis-settur tas-Saħħa.

Għamel referenza wkoll għall-iskema dwar il-bejgħ tal-Passaporti, fejn tenna l-wegħda ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista li jneħħi l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti, filwaqt li jsaħħaħ skemi ta’ investiment reali.

Dan hekk kif qal li l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti ħammġitna mal-Unjoni Ewropea kollha. Għax ma jistax ikun li ssir Malti sempliċiment għax ikollok il-flus. U tant ma sarx due diligence kif suppost, li l-Oppożizzjoni qabdet lista twila ta’ kriminali internazzjonali fost dawk li issa saru ċittadini Maltin u Ewropej.

Dwar l-immigrazzjoni, Adrian Delia qal li sa mill-2013, il-Gvern Laburista ħoloq politika ekonomika fuq żieda fil-popolazzjoni bl-immigrazzjoni. Dan l-istil qed iweġġa’ l-infrastruttura u jgħabbi lill-pajjiż b’piż li ma jiflaħx għalih.