Lokali

Il-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt li jkun jaf fhiex waslu l-investigazzjonijiet fil-Korp tal-Pulizija

Għaddiet ġimgħa oħra u l-Gvern Laburista qiegħed iżomm sieket dwar fhiex waslu l-investigazzjonijiet dwar tixħim, korruzzjoni u abbuż f’diversi saffi fil-Korp tal-Pulizija. Wara li kien sar magħruf li kien hemm għexieren ta’ pulizija investigati dwar korruzzjoni, abbuż u tixħim, issa donnu li l-Gvern Laburista waqa’ fil-muta dwar fhiex waslu dawn l-investigazzjonijiet u mhu qed jagħti l-ebda informazzjoni lill-poplu biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom s-serħan tal-moħħ li l-affarijiet qegħdin isiru bis-serjetà. 

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità , Beppe Fenech Adami, fejn saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu jkun jaf x’qed jiġri fil-Korp tal-Pulizija dwar din l-investigazzjoni biex kulħadd ikun ċert illi qed isir minn kollox biex toħroġ il-verità u ssir ġustizzja. In-nuqqas ta’ informazzjoni qed toħloq tensjoni f’mijiet ta’ pulizija onesti li jemmnu li llum żviluppat sitwazzjoni fl-istess Korp fejn mal-ħażin qed jeħel it-tajjeb. Hemm qtigħ ta’ qalb, nuqqas ta’ ħeġġa u anke biża’ fil-Korp kollu. 

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li dwar dan il-każ toħroġ il-verità kollha. Il-Korp tal-Pulizija jistħoqqlu li jkollu l-fiduċja tal-poplu. Is-skiet, it-tkaxkir tas-saqajn u n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern Laburista ta’ Robert Abela qed ikomplu jkissru l-Korp tal-Pulizija.