Futbol Sport

Inter potenzjalment bl-aħħar ċans għar-rebħ tal-kampjonat

L-attenzjoni fis-Serie A fl-Italja, tinsab kollha fuq il-logħba ta’ għada filgħaxija bejn Juventus u Inter fl-Allianz Stadium. Minbarra li hi sfida għar-rebħ tal-kampjonat, din il-logħba se tkun partikolari minħabba li se tintlagħab bil-bibien magħluqa, kawża tal-coronavirus li ħakem lin-naħa ta’ fuq tal-Italja.

Juventus jinsabu fil-quċċata b’60 punt, punt aktar minn Lazio u sitta aktar minn Inter iżda b’logħba aktar. Bis-sitwazzjoni fil-preżent, xejn għajr rebħa ma tissodisfa lin-neroazzurri. Bil-posponiment tal-logħba kontra Sampdoria, l-aħħar żewġ logħbiet ta’ Inter kienu fl-Europa League kontra Ludogorets.

Juventus ġejjin minn telfa fost il-ġimgħa kontra Olympique Lyon fil-UEFA Champions League, riżultat li kompla jqajjem aktar kritiċi tal-kowċ Maurizio Sarri, bil-veteran se jkun taħt pressjoni għal dan il-konfront. Fil-kampjonat rebħu 2-1 kontra Spal fl-aħħar logħba. F’dan il-konfront, Cristiano Ronaldo skorja f’logħba tas-Serie A għall-ħdax-il logħba konsekuttiva biex laħaq ir-rekord ta’ Gabriel Batistuta.

Lazio huma spettaturi interessati fil-konfront importanti. Huma jilagħbu llum fit-3.00pm f’darhom kontra Bologna u b’rebħa jistgħu tal-anqas igawdu l-quċċata għal ftit aktar minn ġurnata. Il-Biancocelesti ilhom 20 logħba mingħajr telfa fil-kampjonat filwaqt li Bologna se jkollhom skwadra limitata. Inzaghi wkoll għandu xi problema ta’ formazzjoni bi Francesco Acerbi u Senad Lulic se jkunu neqsin filwaqt li Luiz Felipe jirritorna u l-aqwa skorer tal-kampjonat Ciro Immobile mistenni jirkupra fil-ħin.

Serie A

Illum: Lazio v Bologna 3.00pm, Udinese v Fiorentina 6.00pm, Napoli v Torino 8.45pm

Għada: Milan v Genoa 12.30pm, Lecce v Atalanta 3.00pm, Parma v Spal 3.00pm, Sassuolo v Brescia 3.00pm, Cagliari v Roma 6.00pm, Juventus v Inter 8.45pm

It-Tnejn: Sampdoria v Verona 8.45pm