Pajjiżna theżżeż bi skandlu ieħor meta l-ex CEO tal-Vitals Ram Tumuluri ta lilu nnifsu bonus ta’ €5 miljuni mill-flus tan-nies. Bonus li ngħata ftit xhur qabel mal-Vitals żarmat u biegħhet il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Steward. Din hija konferma oħra li Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Edward Scicluna riedu li dan il-kuntratt ifalli u kien intiż li jfalli sa mill-bidunett biex ikun hemm min jagħamel il-miljuni minn fuq il-flus tal-familji Maltin u Għawdxin.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM. Adrian Delia qal li meta ma għamlu l-ebda tip ta’ investiment fl-isptarijiet jew sabiex itejbu s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna, Steward kitbu lill-Prim Ministru Robert Abela biex jingħataw €18 miljun oħra mill-flus tan-nies. Dan wara li l-midja żvelat ittra li Steward bagħtu lil Robert Abela fejn qegħdin jgħidu li jridu iżjed fondi, u għal dawn id-diskussjonijiet kien hemm preżenti Joseph Muscat li qed jirrappreżenta lill-barranin li qed jisirqu lill-Maltin.
Huwa qal li ma kull ġurnata li tgħaddi, u t-tliet sptarijiet jibqgħu f’idejn il-barranin, il-familji u l-ħaddiema se jibqgħu jinsterqu. Skandlu ta’ €240 miljun, li setgħu ġew investiti f’ħafna setturi oħrajn fejn jibbenefikaw in-nies u li kieku dawn il-miljuni li l-Gvern ta lill-barranin tqassmu lill-familji Maltin u Ghawdxin, kull familja kienet tirċievi ċekk ta’ €2,400 jew €400 kull sena.
Adrian Delia qal li l-pozizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-qasam tas-saħħa f’pajjiżna hija waħda ċara, li l-isptarijiet għandhom ikunu f’idejn il-Maltin u mhux f’idejn kumpaniji barranin filwaqt li s-servizz tas-saħħa għandu jkun wieħed modern mingħajr ħlas għal kulħadd. Dan filwaqt li l-operaturi privati jkollhom u jingħataw l-ispazju meħtieġ biex jipprovdu servizzi tas-saħħa, kif seħħ b’suċċess taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
L-Oppożizzjoni trid li dan il-kuntratt skandaluż jintemm immedjatament u minnufih jieqaf is-serq tal-flus tan-nies. Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta l-proposti tekniċi li taw ir-rappreżentanti tiegħu fil-Kumitat Tekniku li qed jistħarreġ mekkaniżmu Kostituzzjonali li jwassal għal aktar ugwaljanza bejn nisa u l-irġiel fil-Parlament. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien nnomina lil Graziella Attard Previ u Alessia Psaila Zammit bħala r-rappreżentanti tal-PN fuq il-kumitat tekniku appoġġjati minn Tonio Borg bħala konsulent Kostituzzjonali.
Huwa qal li l-PN qed imexxi ‘l quddiem ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament biex ikun hemm proporzjon li verament tirrappreżenta lis-soċjetà tagħna. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista sema’ u qed jitkellem għall-bdiewa u r-residenti fl-inħawi tal-Magħtab, li l-Gvern irid li jeħdilhom mal-230 tomna ta’ raba għax falla fis-seperazzjoni tal-iskart u jrid li jkunu l-bdiewa li jbatu għal din l-inkompetenza. Huwa qal li meta Edward Scicluna f’diskors tal-baġit kien qal li għall-Gvern Laburista l-agrikoltura ma tikkontribwixxi xejn lejn l-ekonomija u meta Robert Abela qed jgħid li din għandha tkun pedina importanti, l-fatti qegħdin juru mod ieħor.
Adrian Delia qal li l-PN qed jisma’, jitkellem u jiltaqa’ mal-bdiewa u jtella din il-kwistjoni fl-aġenda nazzjonali għaliex kieku l-Gvern Laburista kien beħsiebu jgħaddi romblu minn fuqhom. Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li mil-lum bdew il-laqgħat mal-attivisti u membri tal-Partit Nazzjonalista parti mill-proċess ta’ riforma li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista inkariga lil Louis Galea biex iwettaq.
Huwa qal li minn dan il-proċess, il-Partit Nazzjonalista se joħroġ aktar b’saħħtu, aktar viċin il-ħtiġijiet tan-nies u attrezzat bl-aħjar mod biex iwettaq ħidmietu fis-soċjetà. Dan biex kull settur tas-soċjetà thoss li l-PN jirrappreżentahom bl-aħjar mod.