Lokali

Jippersisti t-tħassib li pajjiżna mhux preparat

Malta, sa issa, tibqa’ ħieles mill-Coronavirus hekk kif l-Awtoritajiet tas-Saħħa baqgħu ma ħabbrux li ġie rreġistrat xi każ f’pajjiżna.

Fl-ajuport internazzjonali ta’ Malta għall-ħabta tas-sagħtejn waslu żewġ titjiriet ta’ air ambulance mill-Italja li kellha ambulanza tistenniha fuq il-mitjar. Meta kkuntattjajna lill awtoritatjiet dwar dan, huma qalulna li dawn kienu każi ta’ pażjent li kienu mseferin u li kellhom jirritornaw lura Malta għal raġunijiet mediċi… li mhumiex marbuta mal-Coronavirus.

Iżda ir-realtà hi… li ħafna persuni huma ġenwinament imħassba.

Sorsi midħla sew tal-qasam tas-saħħa qed jgħidulna li l-awtoritajiet qed iħejju l-isptar Sir Paul Boffa biex jilqa’ fih pazjenti infettati bil-virus. Biex isir dan, iridu jinħarġu l-pazjenti anzjani li jinsabu fl-isptar bħalissa. Madankollu, infermiera li jaħdmu f’dan l-isptar jinsabu fl-għama dwar dan kollu hekk kif intqalilhom biss li se jsir ristrutturar fl-isptar… mingħajr ma ntqalilhom li se jkunu qed jidħlu pazjenti bil-coronavirus jekk ikun hawn każi kkonfermati.

F’kummenti lil Net News, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan tkellem fost l-ohrajn dwar is-sitwazzjoni fl-ajruport…hekk kif fl-ahhar sigħat dehru xeni ta’ folol ta’ nies jistennew għall-iscanning. It-tabib Balzan jemmen illi din il-kwistjoni trid tiġi indirizzata.

Il-President tal-MUMN Paul Pace minn naħa tiegħu qed jibqa’ jinsisti li l-infermiera mhumiex mgħarrfa dwar il-Pjan ta’ Kontinġenza li tħejja ghall-Coronavirus. Pace stqarr illi jekk l-infermiera mhux perparati…kif tistenna li l-pajjiż ikun preparat? B’kuntrast ghal dan, l-uffiċjali li qed imexxu x-xogħol preparatorju f’Mater Dei konvinti li minn naħa tagħhom qed isir dak kollu possibbli ħalli jilqgħu għal kull eventwalità.

Waqt intervent fuq il-programm Net Live, il-konsulent f’Mater Dei Charles Mallia Azzopardi qal illi lokalment ma nistgħux nirriskjaw li jkollna każijiet li ma nafux bihom.

Mallia Azzopardi irrimarka wkoll li fejn jidhol Ghawdex, jekk ikun hemm każ… żgur se jiġu infurmati mal-ewwel. Il-kampjuni tat-testijiet li qed isiru Għawdex… qed jiġu analizzati fil-laboratorji ta’ Mater Dei.

Fil-fatt Net News jista jikkonferma li sa issa saru total ta’ 39 testijiet, ammont relattivament żgħir meta wieħed iqis biss biss l-ammont ta’ persuni li ġew mill-Italja wara l-vaganzi tal-Karnival.

L-aħħar stqarrija pubblika mill-awtoritatjiet tas-saħħa lokali saret il-Ħamis wara nofsinhar, meta sejħu konferenza tal-aħbarijiet. Il-Ġimgħa, kellha ssir laqgħa għat-tobba tal-familja – iżda din ġiet posposta. Ghalkemm saret laqgha bejn il-MAM u l-konsulenti, fejn dawn talbu biex jingħata parir lill-Gvern jissospendi t-titjiriet minn Bergamo… u jħalli biss lil dawk li huma residenti f’Malta jirritornaw lura f’pajjiżna. Sa issa l-Gvern għadu ma tax risposta dwar dan.