Knisja Lokali

Kor għaż-żjara tal-Papa f’Malta

Bi tħejjija għall-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku f’Malta ser jitwaqqaf kor biex janima Quddiesa li ser issir fuq il-Fosos tal-Furjana nhar Għid il-Ħamsin, il-Ħadd 31 ta’ Mejju 2020.

Il-kor ser ikun iffurmat minn tfal u adulti, u ser ikun taħt it-tmexxija ta’ Mro Christopher Muscat, Maestro di Cappella tal-Katidral Metropolitan u Direttur Mużikali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Tfal u adolexxenti bejn id-9 u l-14-il sena għandhom japplikaw għall-kor tat-tfal filwaqt li dawk minn 15-il sena ’l fuq japplikaw mal-adulti. Għalkemm mhuwiex neċessarju, tagħrif bażiku fil-qari tal-mużika jitqies ta’ vantaġġ. Il-Kumitat Organizzattiv Interdjoċesan taż-żjara tal-Papa Franġisku jħeġġeġ lil dawk kollha interessati biex japplikaw fuq papafrangisku.mt/kor.

L-auditions tat-tfal ser isiru nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu waranofsinhar, u l-għada s-Sibt filgħodu, 14 ta’ Marzu. L-auditions tal-adulti ser isiru nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu waranofsinhar, u l-għada s-Sibt filgħodu, 21 ta’ Marzu. L-applikanti ser jiġu avżati bil-ħin tal-auditions li ser isiru fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.