Futbol Sport

Lazio fil-quċċata tas-Serie A b’rebħa fuq Bologna … Napoli jegħlbu lil Torino

(Ritratt: EPA)

Lazio telgħu fil-quċċata tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 fi Stadio Olimpico kontra Bologna. B’hekk huma jinsabu fl-ewwel post wara li l-logħba ta’ Juventus kontra Inter ġiet posposta.

Lazio fetħu l-iskor fit-18-il minuta meta Ciro Immobile qassam lejn LUIS ALBERTO li b’konklużjoni fil-baxx minn barra l-kaxxa għeleb lil Lukasz Skorupski. Ftit wara, Thomas Strakosha salva mill-qrib xutt fil-baxx ta’ Roberto Soriano u mill-azzjoni ta’ wara, Lazio rduppjaw. Minn kontrattakk, Alberto fetaħ fuq il-lemin lejn JOAQUIN CORREA li b’xutt li kien imxellef minn Danilo għeleb lil Skorupski.

Napoli assiguraw ġimgħa oħra fis-sitt post b’rebħa ta’ 2-1 f’darhom kontra Torino. KOSTAS MANOLAS fetaħ l-iskor fid-19-il minuta b’daqqa ta’ ras biex GIOVANNI DI LORENZO għalaq il-logħba fit-82 minuta b’gowl mill-viċin wara kross ta’ Lorenzo Insigne. SIMONE EDERA naqqas id-distakk fil-91 minuta.