Watford saru l-ewwel tim li ta telfa lil Liverpool f’dan il-kampjonat, bi tliet gowls, skurjati kollha fit-tieni taqsima, iġibu fix-xejn lir-Reds ta’ Jurgen Klopp, kontra kull mistenni. It-telfa tfisser ukoll li Liverpool mhumiex se jirrepetu s-suċċess storiku ta’ Arsenal li fl-istaġun 2003/2004 kienu rebħu l-ogħla kampjonat Ingliż mingħajr ma sofrew telfa waħda u meta t-tim partikolari (immexxi minn Arsene Wenger) għadu magħruf sal-lum bħala l-Invincibles. Intant, ir-Reds fallew ukoll milli jwaqqfu rekord b’19-il rebħa konsekuttiva fil-Premier League Ingliż.
Watford dehru mill-bidu li kienu se jagħtu sfida iebsa lil-liders tal-Premier League u għalkemm fl-ewwel taqsima, tilfu lill-aktar attakkant perikoluż, Delofeu (li ħareġ imweġġa’), huma fetħu bil-kbir fit-tieni 45 minuta b’Ismaila Sarr isib ix-xibka fl-54 minuta fuq il-kross ta’ Doucoure, bl-istess Sarr jirdoppja sitt minuti wara. Il-Hornets komplew jagħfsu u Sarr fit-72 minuta, approfitta mill-iżball ta’ Alexander-Arnold biex ipprovda assist lil Troy Deeney li għamilhom tlieta – bir-Reds ma jkollhom l-ebda tweġiba sas-suffara finali.
Gowl ta’ Jordan Ayew skurjat 20 minuta mit-tmiem kien biżżejjed biex jagħti t-tliet punti lil Crystal Palace kontra Brighton and Hove Albion fl-Amex Stadium. Din fil-fatt, kienet l-ewwel rebħa għal Palace għand Brighton wara seba’ snin u għal ħinijiet twal l-Eagles kellhom irażżnu l-attakki kontinwi tas-Seagulls li ħlew numru ta’ okkażjonijiet quddiem il-gowlkiper Guaita. Wara li Brighton kellhom il-maġġoranza tal-pussess fl-ewwel taqsima, l-iżblokk deċiżiv kellu jkun tal-avversarji meta Benteke, kontra x-xejra tal-logħob ħadem ballun tajjeb għal Ayew li sab ir-rokna tax-xibka minkejja t-tentattiv ta’ Matt Ryan biex isalva.
Marcos Alonso skorja darbtejn biex salva draw ta’ 2-2, għal Chelsea kontra Bournemouth fil-Vitality Stadium. Ir-riżultat, intant, ma jissodisfax daqstant lil Bournemouth li spiċċaw fiż-żona l-ħamra tal-klassifika wara r-rebħa ta’ Watford fuq Liverpool. Alonso tefa’ lil Chelsea fil-vantaġġ wara 33 minuta iżda fit-tieni taqsima, iċ-Cherries qalbu r-riżultat b’żewġ gowls fi tliet minuti skurjati minn Lerma fl-54 u King fis-57 minuta. Intant, l-aħħar kelma kellha tkun ta’ Chelsea meta Alonso kien pront jirreaġġixxi għax-xutt ta’ Giroud li stampa mal-mimduda biex għeleb mill-ġdid lill-gowlkiper Caballero għall-gowl tad-draw.
Burnley żiedu s-sekwenza ta’ logħob mingħajr telfa fil-Premier League għal sitta, bit-tim ta’ Sean Dyche iżomm lil Newcastle fi draw ta’ 0-0 f’St James’ Park. Il-Magpies kellhom diversi okkażjonijiet biex jiżblukkaw ir-riżultat iżda fallew milli jsibu x-xibka għar-raba’ logħba konsekuttiva fil-kampjonat. Matt Ritchie (fl-ewwel taqsima) u Jay Rodriguez it-tnejn marru qrib l-iskor waqt li l-gowlkiper ta’ Newcastle, Dubravka, kien attent biex jinnewtralizza l-kross-xutt ta’ Jeff Hendrick li deher destinat għal ġewwa.
West Ham United kisbu l-ewwel rebħa fil-Premier League wara xahrejn għall-ispejjeż ta’ Southampton u wara li l-partitarji tal-Hammers (qabel il-logħba) kienu esprimew l-għadab tagħhom fil-konfront tal-co-chairman David Sullivan u David Gold għal kif huma qed imexxu l-klabb. Id-debuttant, Jarrod Bowen, poġġa lil West Ham fil-vantaġġ fil-London Stadium wara kwarta logħob, b’Obafemi jagħmilhom 1-1 għas-Saints man-nofs-siegħa. Qabel il-mistrieħ kien Haller li reġa’ poġġa lill-Hammers fil-vantaġġ u kmieni fit-tieni taqsima, Michail Antonio fl-54 minuta skorja t-tielet gowl deċiżiv għal West Ham.
//= $special ?>