Sport Waterpolo

San Ġiljan jirbħu b’gowl ta’ Dino Zammit lejn tmiem

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: Stewart Said

San Ġiljan TUM Invest jinsabu waħedhom fil-quċċata tal-Enemed Cup wara li rebħu d-dwell dirett kontra Sliema Frank Salt 6-5, f’logħba li żiedet fl-eċċitament lejn it-tmiem. Andreas Galea fetaħ l-iskor għal San Ġiljan iżda Sliema dawru r-riżultat b’gowls ta’ Nicholas Bugelli u John Brownrigg. Jerome Gabarretta rdoppja l-vantaġġ bl-uniku gowl tat-tieni sessjoni. San Ġiljan irkupraw dan l-iżvantaġġ fit-tielet sessjoni, l-ewwel fil-bidu b’gowl ta’ Ben Plumpton u lejn it-tmiem permezz ta’ Mattias Ortoleva.

Fl-aħħar sessjoni, Dino Zammit poġġa lil San Ġiljan 4-3 minn fuq iżda Sliema reġgħu marru fil-vantaġġ b’gowls ta’ Zach Mizzi u Jerome Gabarretta. Il-Ġiljaniżi ġabu d-draw madwar żewġ minuti mit-tmiem bi ġmiel ta’ gowl ta’ Andreas Galea li żamm il-ballun minkejja li kien issikkat u qabbeż fuq Nicky Grixti. Kien Dino Zammit li skorja l-gowl tar-rebħa tmien sekondi mit-tmiem b’xutt li ħabat mal-lasta qabel daħal fix-xibka.

Jerome Zerafa Gregory kien strumentali fir-rebħa ta’ Sirens Greentube fuq Neptunes Leo Vegas 14-11 meta skorja disa’ gowls. Sal-ewwel mumenti tat-tielet sessjoni, l-iskor kien 5-5 b’Neptunes iwieġbu għal ħames darbiet wara l-gowls tal-avversarji. Sa ftit anqas minn tliet minuti minn tmiem it-tielet sessjoni, Sirens irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ erba’ gowls permezz ta’ Isaiah Riolo, Matthias Azzopardi u doppjetta ta’ Zerafa Gregory.

Neptunes naqqsu d-distakk min-nofs iżda Azzopardi għamel l-iskor 10-7 fl-aħħar tliet sekondi tas-sessjoni. Neptunes saħansitra naqqsu d-distakk għal gowl fl-ewwel minuti tal-aħħar sessjoni iżda doppjetta ta’ Zerafa Gregory u Ken Erdogan għalqu l-logħba b’vantaġġ ta’ 13-9 biex amministraw sat-tmiem.

Exiles Elia Caterers kisbu t-tieni rebħa b’rebħa faċli kontra Marsaskala Fish and Fish 11-4. Aurelien Cousin skorja fl-ewwel żewġ sessjonijiet għal Exiles li daħlu jistrieħu 2-1 minn fuq. Fit-tielet sessjoni Exiles skorjaw tliet gowls konsekuttivi u ħadu vantaġġ ta’ 5-2. Jan Erdogan naqqas id-distakk iżda Jake Bajada daħħal lil Exiles 6-3 minn fuq fi tmiem it-tielet sessjoni. Huma aċċertaw mir-rebħa fil-bidu tal-aħħar sessjoni.

SIRENS GREENTUBE……………….. 14

NEPTUNES LEO VEGAS…………… 11

(3-2), (1-1), (6-4), (4-4)

Sirens: G. Galea Curmi, J. Ciantar, K. Erdogan (1), G. Melillo, J. Zerafa Gregory (9), Z. Bartolo, L. Falzon, I. Riolo (2), J. Napier, M. Cutajar, M. Azzopardi (2), M. Sciberras, M. Bonnici, G. Sammut, P. Seracino

Neptunes: A. Borg Cole, J. Spiteri Staines, J. Farrugia, G. Pace (3), M. Farrugia, M. Castillo, L. Calleja (1), S. Busuttil (1), S. Gialanze, N. Zammit (5), A. Fenech (1), S. Stellini, A. Bugeja, R. Galea

Referees: Richard Magri, Massimo Angileri

EXILES ELIA CATERERS…………… 11

MARSASKALA FISH AND FISH….. 4

(1-0), (1-1), (4-2), (5-1)

Exiles: M. Castillo, J. Bajada (1), A. Magri (1), P. Paris (1), T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti (3), N. Paris, A. Cousin (4), S. Apap (1)

Marsaskala: J. Micallef, G. Galea, J. Erdogan (1), P. Privitera (2), M. Aquilina (1), L. Grixti, J. Licari, M. Manara, D. Camilleri, K. Navarro, R. Attard, N. Gatt, M. Borg, K. Cremona, J. Theuma

Referees: Alex De Raffaele, Neville Mercieca

SLIEMA FRANK SALT……………… 5

SAN ĠILJAN TUM INVEST……….. 6

(2-1), (1-0), (0-2), (2-3)

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), N. Saliba, J. Sciberras, M. Meli, B. Cachia, N. Schiavone, M. Carani, J. Brownrigg (1), D. Fenech, Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), M. Vassallo, M. Demarco, J. Saliba

San Ġiljan: J. Tanti, A. Galea (2), B. Grech, M. Mannino, B. Plumpton (1), M. Ortoleva (1), J. Bonavia, T. Said, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (2), G. Vassallo, Z. Micallef, J. Portelli

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari