Lokali

Taf x’inhi Sena Bisestili?

Is-sena 2020 hi Leap Year… iżda xi tfisser eżatt? Tista’ tgħid kulħadd isejħilha hekk, iżda kont taf li bil-Malti tissejjaħ Sena Bisestili.

Leap Year tiġi kull erba’ snin … iżda għaliex iseħħ dan? Id-dinja tieħu 365 ġrunata u ftit anqas minn kwart ta’ ġurnata oħra biex iddur max-xemx. U għax mhux possibbli jkollna kwart ta’ ġurnata żejda kull sena, dawn jingħaqdu f’erbgħa u jissarfu f’ġurnata oħra kull erba’ snin.

Wara 30 sena, id-29 ta’ Frar ta’ din is-sena reġa’ ħabat is-Sibt. U filwaqt li min twieled nhar id-29 ta’ Frar, din id-darba jista’ jiċċelebra għeluq snin fil-jum propju, qatt irrealizzajt li min twieled bħal-lum ma jistax jiċċelebrah dak li ngħidulu “il-lucky birthday”?

Għax ladarba din l-okkażjoni tiġi kull erba’ snin, lil dak li jkun tinzertalu l-eqreb meta jagħlaq 28 sena … sena qabel il-lucky birthday. Għaldaqstant, dawn ikollhom jagħmlu bħalma jagħmlu fis-snin l-oħra … jiġifieri jiċċelebraw fit-28 ta’ Frar jew fl-1 ta’ Marzu.

Fost mijiet li twieldu bħal-lum – magħrufa aħjar bħala leap-year babies – hemm il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez fl-1972, ir-rapper u attur Amerikan Ja Rule fl-1976 … u ftit tas-snin ilu mhux ħażin il-kompożitur Taljan Gioacchino Rossini fl-1792 u l-Papa Pawlu 3 fl-1468.

U filwaqt li sa mill-1967, fid-29 ta’ Frar, il-fanatiċi tas-supereroj jiċċelebraw għeluq snin Superman – iżda mhux Clark Kent – it-tmien Prim Ministru tal-gżira Awstraljana Tasmania James Miln Wilson ironikament twieled f’din il-ġurnata fl-1812 u miet fl-istess ġurnata iżda tal-1880.

Interessanti wkoll tradizzjoni partikolari abbinata ma’ dan il-jum fl-Irlanda … tradizzjoni li tmur lura għall-ħames seklu, meta n-nisa kienu jkunu mħeġġa jieħdu l-opportunità ta’ din il-ġurnata biex jipproponu għaż-żwieġ lir-raġel li jkunu qed joħorġu miegħu.

Jidher li t-tradizzjoni kienet inbdiet biex tgħin lil dawk in-nisa li kienu jħossu li l-irġiel kienu qed jieħdu fit-tul wisq biex jipproponulhom.

U fl-Iskozja … kien jingħad li min jitwieled fid-29 ta’ Frar hu sfortunat fl-imħabba. Filwaqt li fil-Greċja kienet titqies sfortuna li koppja tiżżewweġ f’leap year jew speċjalment, propju f’dan il-jum.