Inqas sodisfazzjon f’dak li hu s-settur tal-impjiegi, l-ekonomija u d-demokrazija. Tnaqqis fil-fiduċja fl-istituzzjonijiet u żieda fit-tħassib dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Dan minbarra li kwazi nofs il-poplu, jew 46% tal-Maltin u l-Għawdxin, mhumiex sodisfatti bit-tħaddim tad-demokrazija f’pajjiżna.
Dawn kienu l-punti l-aktar importanti li ħargu mill-aktar stħarriġ reċenti li sar mill-Kummissjoni Ewropea magħruf bħala l-Eurobarometer.
L-isħarriġ juri żieda qawwija ħafna fil-perċentwali tal-persuni li mhumiex sodisfatti bid-demokrazija f’pajjiżna. Dan l-aktar f’dawk ta’ bejn it-18 u l-24 sena.
Dan l-istħarriġġ sar bejn l-14 u t-28 ta’ Novembru li għadda, jiġifieri fil-biċċa l-kbira tiegħu qabel ma bdiet il-kriżi fil-Gvern Laburista ta Joseph Muscat, li wasslet għar-riżenja tal-istess Prim Ministru ftit tal-ġimgħat wara.
Mill-istħarriġ ħarep li l-aktar valur importanti fost dawk li wieġbu huwa l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, bil-paċi, ir-rispett għall-ħajja u d-demokrazija jkunu valuri oħra meqjusa importanti.
L-immigrazzjoni tibqa’ kwestjoni li tħasseb lill-Maltin, b’77% tal-poplu jemmen li għandu jkun hemm politika Ewropea komuni dwar dan.
Intant kien reġistrat tnaqqis drastiku fil-fiduċja fl-istituzzjonijet kollha tal-pajjiz, li jinkludu l-Gvern Malti (tnaqqis ta’ 12% fuq is-sena ta’ qabel), il-Parlament (15%), is-sistema Ġudizjarja, il-Pulizija, l-Armata u l-awtoritajiet reġjonali, bil-Maltin juru żieda fil-fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej, inkluż il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew.
//= $special ?>