Futbol Sport

Tkompli t-taqtigħa għar-raba’ post fil-Premier League

(Ritratt: Premier League)

Tkompli t-taqtigħa għar-raba’ post b’żewġ konfronti interessanti li se jkomplu jibdlu l-klassifika. Għada Tottenham jilqgħu lil Wolves fit-Tottenham Hotspur Stadium filwaqt li f’Goodison Park, Everton jilagħbu kontra Manchester United.

Tottenham ġejjin minn żewġ telfiet, kontra Leipzig fil-UEFA Champions League u kontra Chelsea fil-Premier League. L-akbar problema tibqa’ fl-attakk bin-nuqqas tal-uniċi li jistgħu jilagħbu fl-attakk, jiġifieri Harry Kane u Heung-Min Son. Bejniethom skorjaw 20 mill-44 gowl ta’ Tottenham fil-kampjonat. Fil-konferenza stampa ta’ qabel il-logħba, il-manager Josè Mourinho qal li Kane jista’ jirritorna ftit qabel iż-żmien mistenni.

Wolves jinsabu biss punt taħt Tottenham u fil-kampjonat ġejjin minn draws kontra Manchester United, Leicester u filwaqt li rebħu kontra Norwich. Huma ġejjin mil-logħba tal-Ħamis filgħaxija kontra Espanyol fl-Europa League, fejn għalkemm kienu megħluba, għaddew xorta mal-aħħar 16.

Everton jittamaw li jirrepetu l-prestazzjoni tal-istaġun li għadda f’darhom meta kienu rebħu kontra r-Red Devils 4-0. Għalkemm jinsabu fil-11-il post, Everton jinsabu biss ħames punti bogħod minn Manchester United li jinsabu fil-ħames post. Carlo Ancelotti jittama li jkompli r-rekord pożittiv ta’ Everton kontra Manchester United hekk kif rebħu erba’ mill-aħħar sebgħa kontrihom f’Goodison Park.

It-tim ta’ Ole Gunnar Solskjaer ġej minn żewġ rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat u ma sofriex gowl fl-aħħar tliet logħbiet. Huma qed jimmiraw għat-tielet suċċess konsekuttiv għall-ewwel darba minn Jannar tal-2018. Theo Walcott mistenni jirritorna u Lucas Digne jinsab dubjuż. Andrè Gomes jista’ jibda mill-bidu wara kważi erba’ xhur minn meta weġġa’ kontra Tottenham. Fuq in-naħa l-oħra, Anthony Martial jinsab dubjuż wara li tilef il-logħba tal-Ħamis li għadda, b’Marcus Rashford, Paul Pogba għadhom neqsin.

Premier League

Ilbieraħ: Norwich v Leicester 1-0

Illum: Brighton v Crystal Palace 1.30pm, Bournemouth v Chelsea 4.00pm, Newcastle v Burnley 4.00pm, West Ham v Southampton 4.00pm, Watford v Liverpool 6.30pm

Għada: Everton v Manchester United 3.00pm, Tottenham v Wolves 3.00pm