Futbol Sport

Valletta jsibu posthom fis-semifinali tal-FA Trophy b’doppjetta ta’ Kaljevic

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: Luke Micallef

VALLETTA…………………. 2

GUDJA UNITED………….. 0

Valletta: Y. Cini, R. Camilleri, S. Malano (M. Alba 62’), B. Kaljevic, M. Piciollo (S. Borg 71’), S. Dimech (N. Pulis 62’), J. Borg, E. Pena Beltre, J. Zerafa, T. Caruana, M. Fontanella

Gudja: J. Debono, J. Farrugia (P.P. Sammut 75’), J. Bondin, A. J. Friggieri, E. Zarate Bilbao, R. Winchester (N. Rodrigues Ferreira 82’), L. Cremona, G. Mensah, A. De Barros, J. A. Bolanos, J. Griolo (L. Pisani 60’)

Imwissija: J. Grioli 23’ (G), B. Kaljevic 39’ (V), R. Winchester 45’ (G), E. Pena Beltre 48’ (V), A. De Barros 73’ (G), L. Pisani 81’ (G), J. Borg 86’ (V)

Tkeċċa: E. Pena Beltre 66’ (V)

Skorjaw: B. Kaljevic 52’, 58’ (V)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Duncan Sultana, James Muscat

Attendenza: 905

Valletta sabu għadma iebsa sabiex għelbu u eliminaw lil Gudja United 2-0, b’żewġ gowls ta’ Bojan Kaljevic. Gudja kienu organizzati u kellhom diversi azzjonijiet li minnhom setgħu skorjaw, iżda Valletta urew is-superjorità tagħhom f’sitt minuti li wasslu għaż-żewġ gowls Beltin.

Fl-ewwel taqsima Gudja ħarġu pjuttost aktar avventurużi u b’aktar ċansijiet ta’ skor. Fil-ħames minuta, xutt ta’ Aidan Jake Friggieri ġie mdawwar f’korner mid-difensur ta’ Valletta, Joseph Zerafa. Tliet minuti wara Llywelyn Cremona irnexxielu jgħaddi l-ballun lil Renold Winchester wara żball tal-Belti Ryan Camilleri, iżda m’approfittax, bix-xutt tiegħu mblokkat minn Yenz Cini.

Fit-32 minuta, minn kross ta’ Winchester lejn Edison Zarate Bilbao, tal-aħħar ra x-xutt tiegħu maqlugħ minn fuq il-linja minn Camilleri wara li l-gowlkiper Cini nqabad barra minn postu. Żewġ minuti wara, xutt ta’ Matteo Piciollo ġie salvat b’mod tajjeb ħafna minn Jonathan Debono. Fis-36 minuta xutt ta’ Cremona għal Gudja ġie mdawwar f’korner minn Cini. Fl-aħħar azzjoni tat-taqsima, minn free-kick tal-istess Cremona, Cini salva parzjalment u mir-rebound, ix-xutt ta’ Friggieri spiċċa mal-ġenb tax-xibka.

Seba’ minuti mit-tieni taqsima u Valletta marru minn fuq. Mario Fontanella ta kross lil BOJAN KALJEVIC li bir-ras għeleb lil Debono u fetaħ l-iskor. Fis-57 minuta, Gabriel Mensah daħal fil-kaxxa bil-ballun li spiċċa f’saqajn Winchester li jiddawwar f’korner b’mod tajjeb minn Cini. Minuta wara Valletta irdoppjaw. Xutt preċiż minn barra l-kaxxa ta’ BOJAN KALJEVIC għeleb lill-gowlkiper Gudjan għat-tieni darba. Fl-64 minuta, Fontanella f’azzjoni personali baqa’ tiela’ bil-ballun, iżda ra x-xutt tiegħu jispiċċa mal-ġenb tax-xibka.

Fit-78 minuta kross-xutt ta’ Peter Paul Sammut intlaqa’ minn Cini u minuta wara xutt ta’ Winchester għadda barra. Gudja komplew jippressaw lill-Beltin, iżda m’approffitawx mill-vantaġġ ta’ plejer li kellhom fuq Valletta, u l-isforzi tagħhom kienu kkontrollati u newtralizzati b’mod tajjeb mill-plejers Beltin.