Il-mexxejja fl-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Americas qed jimplimentaw il-miżuri li jipprojbixxu l-laqgħat għal ħafna nies f’post wieħed — filwaqt li daħlu fis-seħħ sensiela ta’ restrizzjonijiet aktar riġidi fuq il-mezzi tal-ivvjaġġar.
Dan meta baqgħu jiżdiedu l-infezzjonijiet mill-epidemija tal-coronavirus fl-Ewropa u bnadi oħra tad-dinja – bin-nies li qed jivvjaġġaw mill-Italja, b’mod partikulari, ikunu suġġetti għal proċessi ta’ screening addizzjonali peress li l-pajjiż, għalissa, hu meqjus bħala ‘iċ-ċentru ewlieni tat-trasmissjoni ( tal-infezzjoni) fl-Ewropa.
L-Istati Uniti, fi tmiem il-ġimgħa, irrappurtat l-ewwel mewta ta’ persuna f’artha mill-effetti tal-coronavirus. Il-vittma kien raġel ta’ 50 sena residenti fl-Istat ta’ Washington waqt li ssemmew każi oħra ta’ infezzjoni b’rabtiet ma’ dar għall-anzjani lokali. Dan fost rapporti li għexieren ta’ residenti tad-dar kienu qed juru s-sintomi tal-coronavirus.
Il-Viċi-President Amerikan, Mike Pence, kien ikkwotat li — minkejja li l-maġġoranza tal-Amerikani mhumiex jiffaċċjaw sogru daqstant kbir li jimirdu mill-virus – kapaċi jkunu ‘imminenti’ r-rapporti dwar imwiet ġodda minn dan il-coronavirus fl-Istati Uniti.
Il-President Amerikan Donald Trump ukoll ikkummenta li ‘qed jistenna’ aktar każi tal-coronavirus fl-Istati Uniti, bil-White House iwissi lill-Amerikani biex ma jivvjaġġawx lejn pajjiżi li jaqgħu fil-kategorija ‘high risk’, fosthoml-Italja u l-Korea t’Isfel.
L-Istati Uniti anki qed testendi l-projbizzjoni għall-persuni li qegħdin jivvjaġġaw lejn artha mill-Iran biex issa inkludiet lil kwalunkwe barranin li kienu żaru lill-Istat Iżlamiku fl-aħħar ġimgħatejn.
L-epidemija tal-coronavirus qed taffettwa wkoll id-domanda għat-titjiriet, b’ħafna linji tal-ajru jissospendu jew jimmodifikaw is-servizzi b’reazzjoni għall-kriżi. Dan waqt li l-American Airlines ikkonfermat li qed tissospendi t-titjiriet kollha mill-Istati Uniti lejn Milan, fl-Italja.
Fl-aħħar sigħat, l-Ekwador ikkonferma l-ewwel infezzjoni bil-coronavirus ( ta’ mara li vvjaġġat għal hemm minn Spanja) waqt li l-Messiku rrapporta erba’ każi – kollha ta’ persuni li kienu marru għal xi żmien fl-Italja. Il-Brażil ikkonferma t-tieni każ ‘tiegħu’ – b’dan jinvolvi pazjent, f’Sao Paulo, li wkoll kien għamel żjara riċenti fl-Italja.
Filwaqt li l-Gvernijiet madwar id-dinja qed iżidu l-isforzi biex jevitaw il-firxa tal-coronavirus, Franza ħabbret projbizzjoni temporanja għal-laqgħat fil-pubbliku li jkunu jinvolvu ‘il fuq minn 5,000 persuna f’zoni magħluqin. Fi Franza, intant, kienu kkonfermati erbatax il-każ ġdid tal-coronavirus li tellgħu t-total tal-infettati f’dan il-pajjiż għal 73.
L-awtoritajiet fl-Iżvizzera, sadanittant, qalu li, bħala prekawzjoni, qed jipprojbixxu avvenimenti li jistgħu jattiraw folol ta’ ‘il fuq minn elf persuna.
Intant, ‘il fuq minn 700 turist għadhom qed jgħixu fi kwarantina ġo lukanda fil-Gżejjer Kanarji u wara li xi Taljani fil-kumpless kienu testjaw pożittiv għall-coronavirus.
Sar magħruf ukoll li l-iskejjel u l-universitajiet fl-Italja se jibqgħu magħluqin għat-tieni ġimgħa konsekuttiva fi tliet reġjuni tat-Tramuntana. Dan meta l-pajjiż irrapporta ‘il fuq minn 1,100 każ u 29 mewta mill-coronavirus.
L-Iraq, issa, ikkonferma t-tlettax il-każ tal-coronavirus f’artu, bil-Qatar jirrapporta l-ewwel każ ta’ infezzjoni, fi tmiem il-ġimgħa.
Il-maġġoranza tal-infezzjonijiet mill-coronavirus fil-pajjiżi tal-Golf huma marbuta maż-żjarat fl-Iran jew ma’ persuni li kienu f’kuntatt man-nies li żaru dak il-pajjiż.
L-Iran, li hu milqut ‘partikularment ħażin’ mill-coronavirus, qed iżomm l-iskejjel f’artu magħluqin sa għada filwaqt li żied il-perjodu għall-għeluq tal-universitajiet – flimkien mal-projbizzjoni għal avvenimenti kulturali – għal ġimgħa. L-ammont tal-infettati bil-coronavirus fl-Iran issa għadda sew is-600. Fil-fatt, deputat parlamentari Iranjan miet mill-effetti tal-coronavirus waqt li diversi uffiċjali Iranjani għoljin testjaw pożittiv għall-virus.
L-Ażerbajġan għalqet il-fruntiera mal-Iran biex tevita l-firxa tal-infezzjonijiet u meta tnejn miċ-ċittadini tagħha spiċċaw fi kwarantina wara li għamlu żmien fl-Iran, bil-konsegwenza li ħarġulhom is-sintomi tal-coronavirus.
L-epidemija tal-coronavirus, li bdiet fiċ-Ċina, sal-bieraħ laħqet qatlet kważi 3,000 persuna madwar id-dinja.
It-Tajlandja, issa, irrappurtat l-ewwel mewta mill-coronavirus waqt li fl-Awstralja, eks passiġġier fuq il-vapur tal-cruises Diamond Princess — li qed jinżamm fi kwarantina ‘il hinn mill-Ġappun – miet mill-effetti tal-infezzjoni, fil-belt ta’ Perth.
//= $special ?>