Lokali Saħħa

Direttiva “farsa” li mhux issir kif suppost – MUMN

"Il-kwarantina imposta mill-OPM tikser ir-regoli"

L-MUMN mhux se taċċetta li l-leave ta’ kwarantina jkun imnaqqas mill-Vacation Leave. Hekk kif il-kwarantina kienet imposta mill-Gvern mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel.

L-MUMN infurmat wkoll lill-membri tagħha li l-kwarantina li qed jinponi l-Gvern qed tmur kontra r-regoli tal-PSMC.

Il-Union permezz ta’ stqarrija qalet li tinsab diżappuntata wkoll dwar il-mod kif is-Saħħa Pubblika qed tamministra l-pjan sħiħ ta’ kontinġenza tal-Coronavirus. L-MUMN sostniet li m’għandha l-ebda għażla oħra ħlief li tieħu miżuri biex tissalvagwardja lill-membri tagħha minn miżuri li ma jagħmlux sens.

Hija sostniet ukoll li s-Settur tas-Saħħa Pubblika mhux jiċċekja u jagħmel visti fuq dawk li suppost qed jagħmlu l-leave tal-kwarantina u ssejjaħ din id-direttiva bħala “farsa”, hekk kif mhux qed issir kif suppost għandha ssir.

Intant l-MUMN sostniet li hi mhux se tikkopera mal-Gvern jekk biex issir u tittieħed il-kwaratina jittieħdu jiem mill-Vacation Leave tal-istess infermiera u qwiebel.