Mijiet ta’ immigranti qed javviċinaw it-territorji tal-Greċja wara li telqu mit-Turkija – b’eluf ta’ immigranti oħrajn jinġabru fuq in-naħa Torka tal-fruntiera komuni fejn qegħdin jittamaw li jiksbu access lejn il-Greċja. Is-sitwazzjoni qed trewwaħ it-tħassib wara li t-Turkija ma baqgħetx tikkontrolla l-movimenti ta’ dawn l-immigranti.
F’perjodu ta’ ftit sigħat biss, talanqas 500 immigrant waslu, permezz ta’ vjaġġi bil-baħar, fuq tliet gżejjer Griegi viċin il-kosta tat-Turkija. Fil-gżira ta’ Lesbos waslu seba’ dgħajjes mgħobbijin b’aktar minn 300 immigrant, b’erba’ dgħajjes – li kellhom fuqhom 150 immigrant — jaslu sal-gżira ta’ Samos u b’żewġ dgħajjes oħra, li bejniethom kienu qed iġorru mat-80 immigrant, jaslu fiz-zona ta’ Chios.
Aktar lejn it-Tramuntana, gruppi ta’ immigranti qasmu xmara biex jaslu fl-art tal-Greċja fl-inħawi ta’ Kastanies. L-osservaturi, intant, mhumiex jeskludu emerġenza umana wara li t-Turkija għamiltha ċara li mhix se twaqqaf aktar lill-mijiet tal-eluf ta’ immigranti fit-territorji tagħha milli jivvjaġġaw lejn il-pajjiżi tal-Ewropa.
L-immigranti inkwistjoni qegħdin ifittxu l-kenn politiku u fl-aħħar snin huma kienu qed jinżammu fit-Turkija fuq bażi tal-ftehim li ntlaħaq fl-2016 bejn Ankara u l-Unjoni Ewropea. Sadanittant, l-aħbar li t-Turkija xoljiet mill-impenn serviet biex tixpruna ‘eżodu’ immedjat ta’ immigranti li waslu ‘bħal mewġa’ fiz-zona tal-fruntiera li t-Torok qegħdin jaqsmu mal-Greċja (Stat membru tal-UE).
L-aħħar aġir tat-Turkija seħħ wara li 33 suldati tagħha nqatlu waqt attakk fil-majjistral tas-Sirja — fejn it-Torok stazzjonaw it-truppi biex jevitaw li pajjiżhom jilqa’ għal influss ġdid ta’ refuġjati mill-gwerra ċivili Sirjana.
Intant, fi tmiem il-ġimgħa kien hemm tensjoni kbira f’Katanies, lejn il-grigal tal-Greċja, wara li l-pulizija Griega użaw il-gass tad-dmugħ biex iżommu lill-mijiet tal-immigranti li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera mill-artijiet tat-Torok.
Il-Greċja qalet li qed tispiċċa vittma ta’ ‘attentat orkestrat’ fuq il-fruntieri tagħha filwaqt li akkużat lit-Turkija ‘b’li qed tmexxi l-azzjonijiet tal-immigranti’.
//= $special ?>