“Aħna rridu nġibu l-aqwa interess ta’ pajjiżna u tal-familji l-ewwel u qabel kollox. Dan sabiex il-barranin li qegħdin jisirquna kuljum mis-saħħa tagħna mhux nagħtuhom iżjed miljuni iżda nwaqqfu l-kuntratt tat-tliet sptarijiet, nagħtuhom lura lin-nies u naraw li nitħallsu lura kull ewro li ħallasna u li minnhom ma ħadna xejn. Il-Maltin u l-Għawdxin huma kapaċi li jmexxu s-settur tas-saħħa huma.” Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika f’Għawdex.
Adrian Delia qal li għall-isptar ġenerali ta Għawdex, Vitals kienu wegħdu l-faċilitajiet kollha għal sptar modern bl-aqwa servizzi mediċini u tagħmir, li jopera indipendentament minn Mater Dei iżda minn dan kollu ma sar xejn u kull ma għamlu kienet ħofra. Fiż-żmien meta kienu qed ifallu l-eks CEO tal-Vitals Ram Tumuluri ta lilu nnifsu €5 miljun bonus, u wara li m’għamlu l-ebda investiment jew titjib Steward issa jridu €18 miljun oħra.
Huwa qal li l-Gvern Laburista jinsab maqsum dwar dan il-kuntratt skandaluż tal-isptarijiet li kuljum qed jisraq lill-poplu, u għal din is-serqa ta’ €240 miljun huma responsabbli Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Edward Scicluna. Adrian Delia qal li jekk ma jitwaqqafx dan il-kuntratt, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kabinett kollu jkunu personalment responsabbli għal din l-ikbar serqa fl-istorja ta’ pajjizna. Huwa qal li Robert Abela għandu jisma’ mill-Oppożizzjoni u jwaqqaf immedjatament dan il-kuntratt, jara li min seraq lin-nies jieħu dak li ħaqqu u jiġbor il-flus żejda li tħallsu sabiex issir ġustizzja.
Adrian Delia qal li f’kull livell tal-amministrazzjoni ddaħħlu nies f’karigi importanti u sensittivi, mhux għaliex huma kapaċi imma għax il-Gvern rema’ l-meritokrazija. Huwa qal li fl-Armata kif ukoll fil-Korp tal-Pulizija nbiddlu r-regoli tal-ingaġġ biex il-Gvern jaqdi lil ftit, dan wassal biex il-fiduċja fil-Korp qed tmajna u l-iżjed li huma demoralizzati huma il-pulizija onesti, li daħlu fil-Korp biex iservu u li jixtiequ jagħmlu d-dover tagħhom. Il-Gvern Laburista għadu sieket dwar fhiex waslu l-investigazzjonijiet dwar l-iskandli li ġew żvelati mill-midja u kif uffiċjali tħallew jirriżenjaw mill-Korp kontra r-regoli u liġijiet. Adrian Delia staqsa x’inhi l-pożizzjoni ta’ Robert Abela, jekk rax inkissritx il-liġi u jekk inkissret minn se jġorr ir-responsabbiltà inkluż dik politika.
Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern nefaq il-miljuni f’kampanji pubbliċitarji sabiex jgħid lill-poplu ‘to sort it out’ iżda spiċċa biex falla fis-seperazzjoni tal-iskart u minflok irid li jkunu l-bdiewa li jbatu biex jeħdilhom l-art biex ikabbar il-landfill fil-Magħtab. Il-Gvern ħalla l-impjant ta’ Sant’Antin fi stat ħażin u spiċċa nħaraq u llum m’għandniex faċilitajiet għas-separazzjoni tal-iskart. Il-Gvern ta €240 miljun lil Vitals u Stewards iżda ma sabx €27 miljun biex isolvi l-kriżi ambjentali. Adrian Delia qal li pajjiżna falla milli jilħaq il-miri tal-enerġija alternativa u qed inħallsu penali li jlaħħqu l-miljuni kull sena. Pajjiżna għandu wkoll miri fis-separazzjoni u riċiklaġġ tal-iskar li jekk ma nilħqux nispiċċaw naffaċċjaw iktar multi. Huwa qal li quddiem din il-inkompetenza u nuqqas ta’ ippjanar tal-Gvern qed jispiċċaw iħallsu n-nies.
Adrian Delia rringrazzja lil Marthese Portelli għall-ħidma tagħha fil-partit u fil-parlament, u awguralha li tkompli bil-ħidma tagħha fl-istess partit. Huwa qal li Marthese Portelli tat dan il-kontribut siewi fil-PN għaliex temmen li l-politika hija servizz. Adrian Delia qal li l-PN jinsab għaddej bir-riforma u tiġdid fejn fetaħ il-bibien tad-diskussjoni beraħ. Din ir-riforma mhix biss tibdil fl-istatut tal-partit imma tiġdid li jwassal biex il-PN isir dejjem aktar il-partit tan-nies, li jilħaq l-aspettattivi u jkun il-vuċi tal-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>
