Lokali

AĠĠORNATA: Waħda bi ġrieħi gravi u tlieta bi ġrieħi ħfief wara li nqalbu bil-karozza f’Ħal Qormi

Erba’ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li l-karozza li kienu fiha nqalbet fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi direzzjoni lejn Ħaż-Żebbuġ, viċin l-iskola tal-Ħandaq.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija u tim mediku li ħadet lill-feruti l-Isptar Mater Dei minnufih. Aktar tard, il-mara li kienet qed issuq ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li t-tliet passiġġieri l-oħra sofrew ġrieħi ħfief.

Wara stħarriġ illi sar mill-Pulizija ġie konkluż li l-mara ta’ 19-il sena tilfet il-kontroll tal-vettura tat-tip Daihatsu Terios u nqalbet.

Fil-vettura kien hemm ukoll raġel ta’ 26 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, mara ta’ 35 sena u raġel ta’ 19-il sena residenti Ħal Qormi.