Ram Tumuluri u Shaukat Ali, li kienu qed jinnegozjaw f’isem il-kumpanija fantażma Vitals li eventwalment ingħatat minn Joseph Muscat u Konrad Mizzi tliet sptarijiet pubbliċi jistgħu jkunu deskritti biss bħala l-akbar frodisti professjonali li qatt rat Malta.
Ram Tumuluri u Shaukat Ali kienu wkoll il-moħħ wara l-attentat fuq l-Isptar Capua f’Tas-Sliema li riedu jixtruh mingħajr ma joħorġu l-inqas ewro wieħed. Iżda għaliex huma frodisti mill-aktar professjonali ingannaw lit-Tmexxija tal-istess Sptar li kważi kien se jispiċċa ħażin.
Josie Muscat, pijunier fil-qasam tas-saħħa fil-privat, beda biex qal li hu għandu esperjenza mill-aktar qarsa ta’ dawn in-nies li rnexxielhom jaħtfu tliet sptarijiet pubbliċi tal-poplu Malti. “Lili personali u lill-familja tiegħi għamlulna ħafna ħsara sal-punt li għadna nbatu l-konsegwenzi ta’ dan sal-ġurnata ta’ llum.”
Hu qal li għall-ewwel in-negozjati għax-xiri tal-Isptar Capua beda b’ħafna kliem sabiħ, iżda mbagħad dawn qatt ma ħarġu l-iċken ewro minkejja l-ħafna paroli u wiegħdi li kienu għamlu. Dan minkejja li l-kuntatti kienu saħansitra żviluppaw f’konvenju u allura kollox kien hemm lest biex bejn il-partijiet isir il-kuntratt.
Josie Muscat kompla li hu jibqa’ mmeraviljat bil-kliem sabiħ ta’ dawn l-akbar giddieba, ħalliela, frodisti u nies li kapaċi jingannaw.
Ram Tumuluri kien jgħid li hu ried jixtri l-qasam privat tas-saħħa f’Malta kollu. Kien jgħid ukoll li l-Gvern kien se jagħtih l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u għalhekk dawk fil-privat kienu se jsibuha diffiċli ħafna jikkompetu miegħu.
“Jien kont fil-business u tibda tirraġuna x’jaqbillek tagħmel u ma tagħmilx f’sitwazzjoni bħal din u għalhekk iddeċiedejna li nbiegħlu l-Isptar Capua. Iżda dan qatt ma ħareġ l-iċken ewro u kien iġib ħafna skużi anki jekk għamilna konvenju bejnietna.
“Meta kont nitkellem miegħu kont naħseb li għandu għandu l-isptarijiet kollha tad-dinja f’idejh. Iżda ftit ftit bdejt ninduna li dan ma kellu esperjenza ta’ xejn u dak kollu li kien qed jgħid, kien biss bluff.
“Ġara li darba waħda ppropona li nagħtuh l-Isptar Capua għal tliet xhur u għal dan kien se jagħtina €10,000! Hawnhekk indunajt bil-qerq kollu tiegħu u għalhekk bgħattu jixxejjer.”
Josie Muscat qal li mill-affarijiet li bdew jiżviluppaw seta’ jinduna li Ram Tumuluri kien diġà ftiehem mal-Gvern Malti biex jingħata tliet sptarijiet pubbliċi ferm qabel mal-Gvern kien ħareġ is-sejħa għall-offerti. Jiġifieri dan kien ingann ieħor tal-Gvern fil-mod kif jagħmel l-affarijiet minn wara dahar il-poplu Malti u Għawdxi.
“Nista’ ngħidlek kif dan Ram Tumuluri kien jagħmel ġranet sħaħ mal-Ministru Konrad Mizzi. Kien imur jiekol miegħu spiss. Kien jiftaħar li ġej u sejjer Kastilja u li kien jingħata d-dokumenti kollha li ried dwar l-isptariijiet… tassew skandlu fil-veru sens tal-kelma Bil-barka tal-Gvern Malti.”
Josie Muscat qal li minħabba li n-negozjati bejn u bejn dawn il-frodisti kienu avvanzati ħafna, ix-xogħol fl-Isptar Capua kien naqas ħafna. “Konna tajnih ukoll il-karti kollha tagħna biex isir eżerċizzju ta’ due diligence… żball kbir li jien għamilt għaliex kont emmint f’dak li kien qiegħed jgħid.”
Darba ttieħdet id-deċiżjoni li l-Isptar Capua ma jinbiegħx, għaliex iċċartet il-maskra ta’ dawn il-giddieba professjonali, allura fl-Isptar Capua reġa’ beda l-bini tax-xogħol mill-ġdid.
Josie Muscat qal li hu rnexxielu jikseb studju qarrieqi li għamel Ram Tumuluri. Dan hu studju li bih kienu jmorru għand il-banek biex jingħataw il-flus.
Minn dan l-istudju joħorġu ħafna veritajiet li ħadd ma kien jaf qabel, fosthom li mhux veru li dan kien ftehim għal tletin sena, iżda għal 99 sena.
Ta’ kull sodda l-eks Ministru Konrad Mizzi ntrabat li jħallas €600 kuljum!
Dan hu studju xokkanti. Jingħad li kellhom jibnu sptar ġdid f’Għawdex. Kellhom jibnu l-Kulleġġ Barts. Minn dan kollu ma ġara xejn għaliex anki l-Kulleġġ Barts inbena mill-flus tal-poplu Malti u Għawdxi billi ħallas €10,000,000.
Dan l-istudju jikxef ħafna qerq u ingann mill-istess Ram Tumuluri għaliex filwaqt li ħataf għexieren ta’ miljuni tal-poplu Malti, fl-istess ħin hu ma investa xejn lura.
Mill-istudju ħareġ li kull xahar huma kienu qed jieħdu €10,000,000 oħra mingħand il-Gvern. Darba falla mbagħad għadda kollox lil Steward għal ewro wieħed biss! Dan ma hu xejn għajr serqa kbira ħafna u l-Gvern jibqa’ passiv.
Barra minhekk Vitals qalu li xtraw ħelikopter għal Għawdex. Fil-verità kien il-Gvern li xtara dan il-ħelikopter għaliex qed jgħaddilhom aktar minn miljun ewro għal dan l-iskop.
Kellhom jibnu kulleġġ għall-infermieri… fil-verità ma sar assolutament xejn u ma nbena l-ebda kulleġġ.
Kellhom iġibu pazjenti minn barra biex jingħataw il-kura f’Malta… minn dan kollu ma ġara xejn filwaqt li fil-frattemp baqgħu jimpalaw il-miljuni.
Tajjeb li wieħed japprezza wkoll li l-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa pubblika jitħallsu kollha mill-Gvern. Huma ma joħorġu l-paga ta’ ħadd.
Dan hu eżerċizzju ta’ frodi. Dan hu l-akbar frodist giddieb li qatt rifes artna… u flok mal-awtoritajiet ġabruhom u qafluhom ġo xi ċella l-Gvern ħallihom ibiegħu l-Isptar lil Steward.
Tajjeb li wieħed jagħmilha ċara wkoll li l-Kap li kien hemm fil-Vitals wara li sparixxa għal ftit taż-żmien, issa hu wkoll il-Kap ta’ Steward… u quddiem dan kollu għal darba oħra l-awtoritajiet Maltin jibqgħu ċassi.
Hu qal li llum il-ġurnata hu jiddispjaċih ħafna in vista ta’ din l-esperjenza qarsa. “Għaliex aħna għandna Maltin u Għawdxin li kapaċi daqs il-barranin u aktar u bla dubju ta’ xejn li huma kapaċi wkoll li jmexxu lil kull sptar li għandna. Ħasra li dan hu ingann serju li għadu għaddej bil-barranin frodisti jkomplu jimpalaw il-flus mill-Kaxxa ta’ Malta.”
//= $special ?>