Minkejja r-reset button li tkellem dwarha l-Prim Ministru Robert Abela waqt attività politka fin-Naxxar, hu naqas milli jitkellem dwar l-iskandlu fil-Korp tal-Pulizija u l-fatt li Kastilja u nies fiha kontinwament qed jidhru jew jissemmew fl-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fost oħrajn.
Madanakollu, tkellem dwar il-bejgħ tal-isptarijiet ta’ Malta lil Steward Healthcare.
Minkejja, li kien ikun faċli għalih li jwaqqaf kuntratti li qed jisirqu miljuni mill-but tal-Maltin u l-Għawdxin, Abela saħaq li mhux ser ikun qed jisma l-għajta tal-Kap tal-Oppożizzjoni u jagħmel dan.
Minkejja li ntefqu miljuni, s’issa jidher ċar li ma sar l-ebda investiment kif jixhdu filmati u ritratti tal-Isptar St’Lukes żvelati fl-aħħar ġimgħat iżda skont il-Mexxej Laburista, dawn il-kuntratti għandhom jibqgħu għax skontu sar ħafna tajjeb.
Waqt id-diskors tiegħu Robert Abela tkellem dwar il-qasma fil-Partit Laburista. Wara t-tkeċċija ta’ Randolph Debattista minn Kap Eżekuttiv tal-PL, diversi sezzjonijiet tal-media tkellmu dwar s-sitwazzjoni li tidher li Abela jrid jeħles minn nies ta’ Chris Fearne. Dwar dan il-Prim Ministru tbissem.
Fi stqarrija l-PN qal li Robert Abela qed jinjora l-falliment tal-Gvern tiegħu fl-ambjent u s-separazzjoni tal-iskart. Il-PN qal li bħal Joseph Muscat qablu, Robert Abela qed juża kliem sabiħ biex jgħatti l-falliment tal-Gvern Laburista.
Robert Abela prova jgħatti l-falliment tal-Gvern tiegħu wara li ġie żvelat kif l-iskart mhux vera qiegħed jiġi separat minkejja l-kampanja ta’ miljuni bi flus tal-poplu ‘Sort It Out’.
Wara sitt snin ta’ negliġenza totali f’dan is-settur, issa l-Gvern Laburista jinsab f’paniku biex isib soluzzjoni għall-problema li ġab hu stess. Dan qed iwassal biex ikunu l-bdiewa li jħallsu għall-fallimenti tal-Gvern, meta jrid li jeħdilhom r-raba biex ikabbar l-landfill tal-Magħtab.Il-Partit Nazzjonalista minflok qed jisma’, jitkellem u jiltaqa’ mal-bdiewa u jtella’ din il-kwistjoni fl-aġenda nazzjonali għaliex kieku l-Gvern Laburista kien beħsiebu jgħaddi romblu minn fuqhom, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>
