Internazzjonali

Slovakkja: Ir-riżultat tal-elezzjoni jenfasizza ċ-ċaħda popolari għall-korruzzjoni

Il-Partit tal-Poplu Ordinarju (OLaNO) fl-Oppożizzjoni kiseb rebħa kbira fl-elezzjoni għall-Parlament fis-Slovakkja fejn approfitta mill-mewġa ta’ sentimenti u għadab kontra l-korruzzjoni fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Il-popolarità ta’ dan il-partit ( li kiseb mal-25 fil-mija tal-vot), li hu mmexxi minn Igor Matovic, splodiet fl-aħħar ġimgħat grazzi għall-manifest tiegħu kontra l-korruzzjoni…Manifest li jidher li kkonvinċa numru sinifikanti ta’ Slovakki fid-dawl tal-kriżi riċenti li għadda minnu l-pajjiż u li ħalliet lill-Ewropa xukkjata.

Ir-riżultat, b’hekk, ifisser it-tmiem tal-Gvern immexxi mill-Partit Smer-SD ( taċ-ċentru-xellug) li ddomina l-politika fis-Slovakkja għal għaxar snin sħaħ. Dan il-partit kiseb biss ftit aktar minn 18 fil-mija tal-vot u l-Prim Ministru Peter Pellegrini ammetta t-telfa qabel intemm l-għadd tal-voti.

Il-kampanja elettorali fis-Slovakkja kienet iddominata mir-rabja pubblika dwar il-qtil, fl-2018, tal-ġurnalista investigattiv, Jan Kuciak, u t-tfajla tiegħu Martina Kusnirova.

Kuciak kien qed jinvestiga l-korruzzjoni ‘fl-ogħla livelli tal-pajjiż’ meta spiċċa maqtul, bir-reat jaħsad lill-poplu Slovakk filwaqt li wassal għat-tmiem tal-mandat tal-eks Prim Ministru (Slovakk) Robert Fico – anki jekk is-Smer-SD tiegħu baqa’ fil-poter.

Intant, il-partit ‘tal-protesta’ fl-Oppożizzjoni Sme Rodina ( Aħna Familja Waħda) kiseb ftit aktar minn tmienja fil-mija tal-appoġġ popolari u warajh spiċċa il-Partit (popolari) Slovakkja Tagħna magħmul mill-estremisti tal-lemin.

Żewġ partiti oħra – is-Svoboda a Solidareta (liberali) u l-Partit Za Ludi, magħmul mil-liberali u li jopponi l-korruzzjoni – it-tnejn kisbu l-ħamsa fil-mija tal-vot meħtieġ għal rappreżentanza fil-Parlament ta’ Bratislava.

Din l-elezzjoni ġenerali saret wara li s-sena l-oħra, l-avukata Zuzana Caputova, li hi attivista prinċipali kontra l-korruzzjoni, kienet rebħet l-elezzjoni għall-Presidenza tas-Slovakkja.

25