Lokali

AĠĠORNATA: Miriam Pace tinstab mejta taħt it-tifrik

L-ewwel vittma wara 12-il xahar ta' inċidenti biswit siti ta' kostruzzjoni

Għall-ħabta tal-10pm, instab il-katavru ta’ Miriam Pace, il-mara li intradmet taħt it-terrapien wara l-inċident li seħħ it-Tnejn wara nofsinhar.

Miriam Pace kienet omm ta’ 55 sena.

Jidher illi kien ir-raġel tagħha stess illi wara l-inċident informa lill-Pulizija li martu kienet spiċċat maqbuda. Wara sigħat twal ta’ ħidma mis-CPD, l-isforzi tat-tim ta’ emerġenza kien kollu għalxejn; Pace instabet mejta fil-post.

Ir-raġel tal-vittma Carmel Pace kien xogħol il-Port il-Ħieles meta rċieva t-telefonata biex jitlaq jiġri lejn id-dar wara li l-ġirien semgħu ħoss qawwi. Malli wasal fil-post, Carmel Pace deher kommoss flimkien ma’ membri tal-familja tiegħu fosthom bintu.

L-aħħar nies li tkellmu ma’ Miriam Pace kienu xi ġirien, illi irrakkuntaw kif hi ftit qabel kienet qaltilhom li se tmur id-dar biex tlesti l-ikel lir-raġel tagħha.

Intant, jidher li  l-Pulizija qed tinterroga lill-kuntratturi u lil dawk kollha involuti mal-istess xogħolijiet fi Triq Abela Scolaro. Dawn l-interrogazzjonijiet qegħdin isiru fl-Għassa tal-Ħamrun.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.