Sport Sport Ieħor

Anthony Joshua se jiġġieled kontra Kubrat Pulev fit-Tottenham Hotspur Stadium

Il-boxer Ingliż Anthony Joshua se jiġġieled kontra Kubrat Pulev fit-Tottenham Hotspur Stadium fl-20 ta’ Ġunju. Pulev hu l-isfidant mandatorju għat-titlu IBF, b’Joshua għandu t-titli WBA u WBO wkoll. Joshua rebaħ it-titli b’rebħa unanima bil-punti kontra Andy Ruiz Jr f’Diċembru.

“Jien kuntent li għandi l-opportunità li nuri d-dinja kemm jien b’saħħti,” qal il-boxer Bulgaru ta’ 38 sena. Pulev sofra biss telfa f’29 ġlieda meta f’Novembru tal-2015 kien megħlub fil-ħames rawnd b’knock-out minn Wladimir Klitschko.

Anthony Joshua (Ritratt: EPA)

Din se tkun l-ewwel ġlieda ta’ Joshua fir-Renju Unit minn meta għeleb lil Alexander Povetkin f’Wembley Stadium f’Settembru tal-2018. Fil-bidu hu kien se jiġġieled kontra Pulev fil-Cardiff Principality Stadium f’Ottubru tal-2017 iżda l-Bulgaru rtira wara li weġġa’ spalltu.

Il-ġimgħa l-oħra, il-promotur Eddie Hearn qal li d-diskussjonijiet għaddejjin biex issir ġlieda kollha Britannika bejn Joshua u Tyson Fury. Ix-xahar li għadda, Fury għeleb lil Deontay Wilder biex rebaħ it-titlu WBC u b’hekk it-titli heavyweight jinsabu kollha għand il-boxers Britanniċi.