Lokali Mużika

DrLYNN tniedi single ġdida

DrLYNN għadha kif ħarġet single ġdida – ‘Treading on Eggshells’ – mużika ta’ Lynn Faurè u lirika ta’ Richard Rogers.

Lura għas-sena 2003, il-kantanta kienet rebħet il-Malta Song for Europe u rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest fil-Latvja bil-kanzunetta ‘To Dream Again’.

Fis-sena 2006, DrLYNN ikkomponiet din is-single ġdida tagħha, u propju wkoll fl-istess sena meta kienet iddeċidiet li tibda twettaq ħolm ġdid, u tgħid li minn dak iż-żmien sal-lum hi qatt ma ħarset lura.

F’dak il-perjodu, ħajjitha kienet maqsuma f’elf biċċa biex tlaħħaq mal-impenji kollha tagħha tal-ġurnata – bejn tippreżenta fuq it-televiżjoni, u kienet ukoll executive producer ta’ programmi edukattivi li damu għaddejjin għal snin twal kemm fuq diversi stazzjonijiet televiżivi, inkluż dak nazzjonali.

Sadanittant, DrLYNN kienet ukoll impenjata kemm bħala kantanta u pjanista residenti ma’ diversi stabbilimenti u lukandi madwar Malta. Fis-sena 2006 hi ltaqgħet ma’ Richard Rogers, li miegħu kkomponiet u kitbet is-single ‘Treading on Eggshells’. Richard kien ispirat mill-mod ta’ kif Lynn kienet iddeskriviet lilha nnifisha miegħu, u anke l-esperjenza tagħha matul il-Eurovision.

Awtomatikament din il-konverżazzjoni ttrasferiet ruħha fil-lirika ta’ din il-kanzunetta. B’kumbinazzjoni, kien diġà kellha xi mużika oriġinali f’moħħha li kienet ikkomponiet fuq il-pjanu. Ġara li kemm il-mużika u anke l-lirika kkombinaw u marru tajjeb ħafna flimkien, u aktar tard din is-silta mużikali ngħatat l-isem ta’ ‘Treading on Eggshells’.

Maż-żmien, DrLYNN fehmet il-validità tal-ħsibijiet tagħha. Għalkemm għaddiet minn ħafna diffikultajiet matul ħajjitha, u riedet tieħu diversi deċiżjonijiet diffiċli, aċċettat ir-realtà u kienet determinata li ma taqtax qalbha mill-ħolm li kellha, u rat biex, waħda waħda, tirrealizzahom.

“Ma ridtx li ħaddieħor iġorr it-toqol tad-deċiżjonijiet tiegħi, speċjalment meta kelli naffaċċja diffikultajiet u sfidi li kienu tqal għalija biex inġorrhom waħdi, iżda rnexxieli”, stqarret Dr LYNN.

Fil-qosor, il-lirika tal-kanzunetta tittratta dwar kemm mhux faċli li wieħed jidħol fiż-żarbun ta’ ħaddieħor. Il-kanzunetta tipprovdi l-effetti ta’ persuna meta tkun mimlija toqol tal-ħajja u l-isfidi li wieħed jaffaċċja billejl meta ma jkunx jista jorqod, speċjalment meta l-għada filgħodu jkollu sfidi ġodda jistennewh. Il-lirika tkompli tgħid li, hi x’inhi l-pożizzjoni li tkun tinsab fiha fil-ħajja, wieħed għandu jkompli jħares ’il quddiem b’ċerta determinazzjoni u rieda tajba.

Fil-lirika tagħha, DrLYNN tikkonkludi, ‘No more threading on Eggshells, no Kiss and Tells, I made it on My Own’ li jfissru li l-bniedem m’għandux jinkwieta żżejjed dwar x’jaħseb ħaddieħor jew għalfejn in-nies ma jżommux il-kelma li jkunu taw għaliex finalment għandu jkun kapaċi jasal għal konklużjonijiet li jagħmlu l-aktar sens għalih. Dan l-appell qed tagħmlu bil-għan ewlieni biex tinkoraġġixxi lil dawk kollha li jinsabu għaddejjin minn diffikultajiet tal-ħajja, u eventwalment jagħrfu jsibu d-direzzjoni lejn il-veru ferħ u s-serħan tal-moħħ.

Lil hinn mix-xena mużikali, DrLYNN hi avukat li tispeċjalizza fil-qasam dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u d-Drittijiet tat-Tfal.

Dawk kollha interessati biex ikollhom kopja tas-single l-ġdida ta’ DrLYNN – ‘Treading on Eggshells’ huma mħeġġa biex jibagħtu email fuq drlynnmalta@gmail.com.

Għal aktar informazzjoni fuq DrLYNN tista’ żżur il-paġna ta’ facebook tagħha www.facebook.com/DrLYNN.mt/