L-entitajiet Fondazzjoni Caritas Malta, Fondazzjoni Oasi, Aġenzija Sedqa u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta, kuljum jaħdmu ma’ persuni b’dipendenza fuq id-droga u l-familji tagħhom.
Inħasset il-ħtieġa li dawn l-entitajiet jersqu aktar lejn xulxin għall-fatt li fil-ħidma tagħhom qed jaraw bidliet fil-kultura tad-droga u żieda sostanzjali fin-numru ta’ persuni li qed jużaw ċerti tipi ta’ sustanzi għal skop rikreattiv. L-impatt ta’ dan qed iħalli ħafna weġgħat mhux biss fuq l-individwi imma anki fuq il-familji immedjati u s-soċjetà.
Rappreżentanti ta’ dawn l-entitajiet tkellmu waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’lukanda ewlenija f’Malta nhar il-Ġimgħa li għadda.
Noel Xerri, CEO tal-Fondazzjoni Oasi, tkellem dwar il-bżonn li l-entitajiet ġew flimkien peress li jinsabu preokkupati dwar is-sitwazzjoni f’dik li hi żieda fl-użu ta’ sustanzi fil-ħidma tagħhom fil-qasam tar-riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga. Permezz ta’ din l-għaqda u l-ħidma flimkien il-messaġġ jasal iktar b’saħħtu. “Il-mod kif qed naraw żieda fil-persuni bl-użu ta’ sustanzi u l-mentalità ta’ xejn mhu xejn iħassibna ferm u f’dil-ħidma tagħna flimkien, nistgħu naslu biex inwasslu messaġġ ċar li tista’ tgħix ħajja sana u tapprezza l-ħajja mingħajr dipendenza fuq sustanzi.”
Id-Dirtettur tal-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri, spjega li hu fl-interess ta’ kull organizzazzjoni li tippromwovi b’mod pożittiv alternattivi sani, imsejħa wkoll natural highs. “Naraw ħafna tfal fil-programmi ta’ prevenzjoni tagħna, li magħhom nagħmlu xogħol dwar temi bħal self-esteem u peer pressure, biex meta jaslu għal deċizjonijiet importanti, anke dwar sustanzi, ikunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan b’mod infurmat.
Min-naħa l-oħra, f’kuntest fejn tiġi legalizzata l-cannabis għal użu rikreattiv, jista’ jkun hemm realtajiet fejn ġenituri jkunu qed jinfluwenzaw b’mod indirett lil uliedhom dwar użu ta’ sustanzi bħala mezz ta’ rikreazzjoni. Dan minħabba li l-ġenituri jimpattaw ħafna d-deċiżjonijiet li jieħdu wliedhom. Fuq skala simili wieħed jista’ jirreferi għal statistika li turi li l-użu ta’ alkoħol fost adolexxenti jinstab l-iktar fl-ambjent tad-dar, u allura l-preokkupazzjoni tagħna tkun li l-cannabis għal użu rikreattiv jaf ikollha l-istess pattern.”
Aloisia Camilleri, psikjatra mill-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta, tkellmet dwar il-ħidma kontinwa ma’ persuni bi problemi serji ta’ dipendenza. “Dawn nies li jinsabu bla vuċi u nħossu l-bżonn li nkunu l-vuċi tagħhom u tas-saħħa mentali tagħhom. Id-droga rikreazzjonali tbiegħed milli wieħed ikollu saħħa mentali sana u flimkien se naħdmu biex din il-vuċi ta’ dawn il-persuni mkissra tasal biex nipprevenu iktar ħsara u abbuż.”
Żiedet tgħid li hemm bżonn ninvestu aktar f’servizzi adattati għal persuni li għandhom dipendenza flimkien ma’ problema ta’ saħħa mentali.
Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, spjega kif l-entitajiet jaħdmu id f’id kuljum mhux biex persuni ma jsibux id-droga għax kontrollata, imma għax ma jħossux il-bżonn għaliha. “Tinkwetana kif qed tinbidel it-trend u l-idea li s-sustanza bħal cannabis ma tagħmillek xejn. Filwaqt li qed isir investiment qawwi mill-awtoritajiet fl-aġenziji li jaħdmu direttament mad-dipendenza, u dan l-aħħar anki fil-prevenzjoni, irridu noqogħdu attenti li bil-legalizzazzjoni ma nkunux qed nieħdu pass li jmur kontra din il-ħidma sfiqa. Hemm il-periklu li l-liġi li tillegalizza tkompli żżid il-ħsieb li l-cannabis ma tagħmillek xejn.
Hu qal li l-ħsieb li bil-legalizzazzjoni neqirdu l-black market hi idea żbaljata, u dan nikkonfermawh għax il-black market baqa’ b’saħħtu f’pajiiżi fejn adottaw din il-liġi. Irridu niftakru wkoll li aħna bħala soċjetà għandna tendenzi ta’ inqas dixxiplina meta kumparati ma’ pajjiżi bħall-Kanada.
“Nempatizzaw ma’ dak is-‘social user’ li mhux dipendenti fuq is-sustanza u ma jridx jibqa’ jinqeda mill-black market, imma jekk tpoġġi dan kollu fuq miżien iktar hemm żvantaġġi mill-vantaġġi. Il-Liġi tal-2015 qed tagħti riżultati tajbin, u nixtiequ li l-leġiżlatura tagħti iktar għodda lill-ġudikatura biex ma jkollhiex idha marbuta bħal f’każ li jekk persuna li hi dipendenti u maħkuma mis-sustanza tinqabad b’ċertu ammont, tkun kostretta li timponi sentenza ta’ priġunerija. Min għandu dipendenza mhux postu l-ħabs.”
L-entitajiet ħabbru li se jtellgħu Konferenza Nazzjonali taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella, bit-titlu NGĦIX – ĦAJJA SANA GĦAŻLA TAGĦNA, fl-24 ta’ Marzu fil-Palazz tal-President ta’ Malta f’Sant’Anton. Dettalji jitħabbru aktar tard. Min jixtieq jattendi hu importanti li jirreġistra fuq l-email nghixhajjasana@gmail.com minħabba problema ta’ spazju.
//= $special ?>