Internazzjonali

Il-Greċja tieħu l-miżuri urġenti għall-kontroll tal-immigranti mal-fruntiera

Il-Gvern tal-Greċja ssospenda l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta’ immigranti biex jingħataw il-kenn politiku, bl-awtoritajiet f’Ateni jagħmluha ċara li ‘se jibgħatu lura minnufih’ lill-barranin kollha li jidħlu fil-pajjiż illegalment.

Dan il-pass kien ikkonfermat wara jiem ta’ tensjoni fl-inħawi tal-fruntiera tal-art bejn il-Greċja u t-Turkija – u fejn eluf ta’ immigranti jinsabu ddisprati biex jaqsmu lejn it-territorju Grieg, wara li l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, sostna li pajjiżu mhux se jwaqqaf aktar lill-immigranti li jridu jivvjaġġaw lejn l-Istati tal-Unjoni Ewropea.

It-Turkija qed issostni li ma tistax tikkontrolla aktar l-ammonti tal-immigranti li qed jaħarbu mill-gwerra tas-Sirja. Dan waqt li l-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis qal li l-Greċja, issa, żiedet il-livell ta’ deterrent mal-fruntieri sal-‘massimu’ possibbli.

Mitsotakis enfasizza li l-Greċja qed tinsisti biex tkun applikata klawsola ta’ emerġenza fit-Trattat tal-UE ‘bil-għan li taċċerta l-appoġġ sħiħ tal-Ewropej f’dawn iċ-ċirkustanzi’. Il-Prim Ministru Grieg, fis-sigħat li jmiss, se jżur il-fruntiera ta’ pajjiżu u fejn se jkun akkumpanjat mill-Kap tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel u l-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.

Intant, numru ta’ immigranti fil-Greċja ‘ikkonfermaw’ dak li ilhom jgħidu l-Griegi — fis-sens li l-awtoritajiet Torok, fl-aħħar jiem, inkoraġġew lill-istess immigranti biex jaqsmu għall-Greċja minfejn ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra tal-Ewropa.

Fl-aħħar sigħat kienet rappurtata l-ewwel mewta mindu t-Turkija fetħet il-fruntieri tagħha għall-immigranti – bil-każ jinvolvi tfajjel li ttella’ mejjet mill-baħar wara li d-dgħajsa li kien fiha nqalbet ’il hinn mill-gżira ta’ Lesbos.

Sorsi oħrajn qalu, intant, li immigrant Sirjan miet mill-ġrieħi li ġarrab, waqt intervent mill-qawwiet tas-sigurtà Griegi li riedu jwaqqfu l-influss potenzjali ta’ aktar immigranti f’pajjiżhom. Intant, is-sorsi Griegi f’Ateni fissru din l-aħbar bħala ‘falza’.