Lokali

Il-ġuri ta’ Ali Sadr mistenni jibda dalgħodu

Kif kien żvela ftit tal-jiem ilu l-ġurnal In-Nazzjon, dalgħodu fi New York hu skedat li jibda l-ġuri fil-konfront ta’ Ali Sadr, dak li sa ftit ilu kien iċ-chairperson tal-bank Pilatus.

Ali Sadr kien ġie arrestat fl-Istati Uniti sentejn ilu, u jista’ jeħel sa 125 sena ħabs fuq akkużi li evada sanzjonijiet ekonomiċi imposti mill-Istati Uniti fil-konfront tal-Iran.

L-investigazzjonijiet juru li Ali Sadr ħoloq diversi kumpaniji u banek barra mill-pajjiż biex għadda b’$115 miljun f’kummerċ mill-Venezwela mal-Iran permezz ta’ banek fl-Istati Uniti.

Jirriżulta li t-tranżazzjonijiet finanzjarji saru bejn April tal-2011 u Novembru tal-2013. Fost l-akkużi li qed jaffaċċja Ali Sadr hemm frodi fil-konfront tal-Istati Uniti kif ukoll ksur tas-sanzjonijiet u ħasil tal-flus.

S’issa mhux magħruf jekk il-Bank Pilatus kellux xi involviment f’dan kollu. Il-bank ġie reġistrat f’pajjiżna f’Diċembru tal-2013, jiġifieri xahar biss wara l-aħħar tranżazzjoni llegali li nkixfet mill-investigaturi Amerikani.

Madankollu dan il-każ li fuqu għaddej ġuri jaf il-bidu tiegħu fl-2004 u l-2005 meta l-Istati Uniti u l-Venezwela daħlu fi ftehim biex fil-pajjiż tal-aħħar jinbnew mas-7,000 residenza. Iżda jidher li, skont l-akkużi, Ali Sadr għamel sensiela ta’ movimenti ta’ flus biex jaħbi li l-benefiċjarji kienu filfatt persuni mill-Iran u l-Iraq li allegatament tħallsu b’pagamenti li għaddew mis-sistemà bankarja Amerikana.