Lokali

“Il-quarantine leave għandu jingħata lil kulħadd” – Il-Unions

Il-leave tal-kwarantina għandu jingħata lil kull ħaddiem, irrispettivament minn jekk hux ħaddiem impjegat mal-Gvern jew mal-privat.

Dan kien il-messaġġ tal-unions kollha li fi ftit ħin ħarġu stqarrijiet jew tawna kummenti f’dan is-sens.

Stqarrija konġunta mill-Kamra tal-Kummerċ, l-assoċċjazzjoni ta’ min iħaddem (MEA), l-assoċċjazzjoni tar-ristoranti u l-lukandi (MHRA), u l-Malta Chamber of SMEs flimkien saħqu li l-kwistjoni li żviluppat mal-firxa tal-Coronavirus m’għandhiex tħalli lok għall-kontroversju u konfrontazzjoni u li kemm dawk fis-settur pubbliku kif ukoll dawk li jaħdmu fil-privat għandhom jingħataw leave ta’ kwarantina mħallas mill-Gvern fejn hemm bżonn jittieħed.

L-istess stqarrija kkundannat il-posponiment tal-laqgħa li kellha ssir għall-imsieħba soċjali sabiex jiġu diskussi soluzzjonijiet tanġibbli għal din is-sitwazzjoni.

David Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ qal li fost il-proposti li qed jagħmlu l-korpi kostitwiti, hemm dik li jsir fond  ta’ emerġenza mill-Gvern sabiex jgħin lil kumpaniji li jispiċċaw jiffaċċaw diffikultajiet minħabba din l-epidemija.

Anke l-General Workers Union qed tinsisti li l-leave tal-kwarantina jkun bi ħlas għal kulħadd – kemm għall-ħaddiema tal-Gvern kif ukoll għall-dawk li huma mpjegati ma’ kumpaniji privati.

Intant stqarrija tal-UĦM Voice of the Workers qalet li jekk il-kwarantina tiġi mposta, għandu jiskatta l-quarantine leave. Madankollu, anke l-UĦM saħqet li dan il-leave għandu jkun għal kulħadd, u li cirkolari li jinħarġu biss għall-ħaddiema tal-Gvern ma jagħmlux sens.