F’nofs il-kampanja ta’ prevenzjoni biex kulħadd jaħsel idejh ħalli jevita milli jinxtered il-Coronavirus, il-Lecturers, l-Edukaturi u l-Istudenti tal-MCAST fil-Mosta jinsabu mingħajr provvista tal-ilma.
Is-sitwazzjoni kienet ikkonfermata minn għadd ta’ studenti li għamlu kuntatt ma’ NET News, fosthom anke b’filmat ta’ vit miftuħ iżda niexef qoxqox.
Dan kollu wassal biex l-istaff edukattiv ħareġ bi strajk, hekk kif f’pajjiżna wkoll qed tiżdied il-biża’ li dan il-virus jista’ jinxtered jekk wieħed ma jipprevjenix.
Huma qed isegwu d-direttivi maħruġa mill-Union tal-Għalliema (MUT), li daħlu fis-seħħ fid-9am u se jibqgħu għaddejjin sakemm is-sitwazzjoni tissolva.
Meta ħabbret id-direttivi, l-MUT kienet qalet li s-sitwazzjoni hi inaċċettabbli għax ma jistax ikun li f’binja bħall-Istitut tal-MCAST għall-Arti Kreattiva fil-Mosta tkun mingħajr provvista bażika bħal tal-ilma.
Oriġinarjament, il-ġimgħa li għaddiet, din il-problema laqtet il-binjiet kollha tal-MCAST, tant li l-Ħamis strajkjaw l-Edukaturi kollha tal-MCAST wara li l-Amministrazzjoni tal-Kulleġġ ma kinitx qed tieħu ħsieb li l-ġibjuni tal-binjiet jimtlew.
Is-sitwazzjoni preżenti fil-Mosta ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG), li qal li s-sitwazzjoni hi inaċċettabbli għall-istudenti kollha.
Dan hekk kif dawn għadhom qed jistennew li l-provvista tal-ilma tirritorna għan-normal, mhux biss għal raġunijiet iġjeniċi, iżda wkoll biex il-lectures tagħhom ikunu jistgħu jerġgħu jinbdew.
Intant sorsi li tkellmu magħna qalulna li fl-istitut tal-Business and Commerce fl-istess MCAST la hemm sapun u lanqas dispensers.