Sport Sport Ieħor

Judd Trump jirbaħ il-finali tal-Players Championship ukoll

(Ritratt: World Snooker)

Judd Trump għandu l-mira li jsir l-ewwel persuna li jirbaħ sitt titli tar-ranking fi staġun wara li rebaħ il-Players Championship. Fil-finali li ntlagħbet f’Southport hu għeleb lil Yan Bingtao 10-4.

Iċ-champion tad-dinja u n-numru wieħed tad-dinja sar biss il-ħames plejer fl-istorja li jkollu ħames titli fi staġun. Trump ipproduċa breaks ta’ 75, 122, 50, 75, 108, 68 u 60 minkejja li skont hu ma kienx fl-aħjar forma.

Dan it-titlu jsegwi t-titli mirbuħa tal-International Championship, il-World Open, l-Open tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Masters tal-Ġermanja. Stephen Hendry, Ronnie O’Sullivan, Ding Junhui u Mark Selby kollha waslu sa ħames titli fi staġun.

Trump għandu tliet okkażjonijiet biex jidħol fl-istorja bl-Open ta’ Ġibiltà, it-Tour Championship u l-Kampjonat tad-Dinja. Dawn it-tournament se jsiru bejn il-ġimgħa d-dieħla u l-bidu ta’ Mejju.