Formula 1 Sport

Konferma li se sseħħ l-ewwel Grand Prix tal-istaġun tal-Formula 1

(Ritratt: EPA)

L-organizzaturi tal-Grand Prix tal-Awstralja saħqu li l-ewwel tellieqa tal-istaġun se ssir kif ippjanat minkejja t-tħassib dwar il-coronavirus. Il-Grand Prix taċ-Ċina li kienet skedata għax-xahar id-dieħel diġà posposta filwaqt li avvenimenti oħra sportivi ġew affettwati, fosthom it-tlielaq tal-Moto GP fil-Qatar u t-Tajlandja. Il-Grand Prix tal-Awstralja ssir il-Ħadd 15 ta’ Marzu.

Iċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey qal li l-isport miexi kif il-kalendarju hu ppjanat. Il-Kap Eżekuttiv tal-Grand Prix tal-Awstralja Andrew Westacott qal li f’dawn il-jiem qed isiru l-aħħar arranġamenti fiċ-ċirkwit u l-bibien għall-pubbliku mistennija jiftħu l-Ħamis 12 ta’ Marzu. Westacott qal li huma qed ikomplu jsegwu s-sitwazzjoni u qed jingħataw gwida minn esperti fis-suġġett.

Il-firxa tal-virus fl-Italja kabbret it-tħassib dwar il-Formula 1 minħabba li t-timijiet ta’ Ferrari u AlphaTauri flimkien mal-manifattur tat-tyres Pirelli, huma bbażati ftit bogħod mir-reġjun affettwat.

Wara l-Grand Prix tal-Awstralja, l-istaġun tal-Formula 1 mistenni jkompli bil-Grand Prix tal-Bahrain fit-22 ta’ Marzu qabel issir l-ewwel edizzjoni tal-Grand Prix fil-Vjetnam fil-5 ta’ April. Minħabba l-posponiment tal-avveniment f’Shanghai, fil-preżent jeżisti vojt fil-kalendarju qabel ir-ritorn tal-Grand Prix tal-Olanda fiċ-ċirkwit ta’ Zandvoort fit-3 ta’ Mejju.