Ir-reġim tal-Korea komunista wettaq l-ewwel prova ta’ missili għal din is-sena — bil- Korea t’Isfel tikkonferma l-azzjoni mingħajr ma tidentifika l-kalibru tal-missili.
Intant, il-missili kienu sparati mill-kosta tal-lvant tal-Korea ta’ Fuq fid-direzzjoni tal-Baħar tal-Ġappun – magħruf ukoll bħala l-Baħar tal-Lvant. L-ogħla uffiċjali militari fil-Korea t’Isfel, fl-istess ħin, ‘jemmnu’ li l-missili tal-komunisti kienu ta’ tip ballistiku u li jintużaw għal fuq distanzi qosra.
Il-Korea ta’ Fuq, bejn Mejju sal-aħħar tal-2019, irrankat il-provi bil-missili wara ‘friża’ ta’ xi sena u nofs – u bl-aħħar prova sseħħ f’Novembru li għadda.
Fl-istess ħin, il-prova ta’ sigħat ilu mill-Korea ta’ Fuq saret jiem biss wara li l-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti ħabbru li kienu qed jipposponu l-eżerċizzji militari konġunti li jsiru kull sena u li dejjem qanqlu stqarrijiet tal-‘akbar kundana’ min-naħa tar-reġim komunista fi Pyongyang.
Madankollu, l-esperti li evalwaw iċ-ċirkustanzi qablu li l-aħħar prova kienet ‘anqas provokattiva minn dak li kapaċi twettaq il-Korea ta’ Fuq.’ Madankollu, ġie nnutat ukoll li Pyongyang ‘qed jagħmilha ċara li beħsieħbu jkompli jtejjeb il-kapaċitajiet militari tiegħu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin’.
//= $special ?>