L-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti (APAN) li titkellem f’isem eluf ta’ anzjani li llum qegħdin igawdu l-pensjoni mill-ħidma tagħhom fuq medda twila ta’ żmien, tinsab irrabjata għall-aġir tal-gvern li hekk, ħabta u sabta irid jieħu, mingħand bdiewa stabbiliti u ħawtiela, 226 tomna ta’ raba u li ghadu qed jinħadem biex ikabbar il-miżbla tal-Magħtab.
Il-poplu kollu malti u għawdxi jaf li dal-gvern u dal-Prim Ministru ilhom jafu bil-problema kbira fejn jiġi mitfugħ l-iskart kollu li jinġabar minn kullimkien. Kellu pariri u proposti siewja kif dan jista’ jsir fiż-żmien propizju u f’postijiet adatti u iIttraskura l-problema.
Issa f’paniku qed ifittex soluzzjonijiet mgħaġġla u perikolużi li minħabba fihom 25 bidwi, li l-għixien tagħhom jiddepenedni minn dan ir-raba li huma jħaddmu u li saħansitra kellhom jippreżentaw rikors fil-qorti biex forsi jissalvagwardjaw ir-raba u l-għixien tagħhom, se jiġu sgumbrati mill-għelieqi tagħhom.
L-anzjani maltin jiftakru kif gvernijiet laburisti kellhom u għad għandhom ħabta jsibu soluzzjoniet bażwija biex isolvu problemi li jkunu ħolqu huma stess jew li jkunu ħallewhom jitwalu u jiggravaw. Jiftakru fis-soluzzjonijiet tal-mistħija tal-gvern laburista ta’ Mintoff meta kien waqqaf korp wara l-ieħor tal-ħaddiema bħala soluzzjoni għall-problema kbira tal-qagħad li kien iġġenera huwa stess.
L-APAN tikkonferma l-istqarrija ta’ kundanna mill-Partit Nazzjonalista li ppubbilka riċentement għax bħala anzjani li temmew il-ħajja tax-xogħiol tagħhom jafu u jifhmu xi tfisser għall-ħaddiem meta jiġu u jisirqulek jew jeqirdulek Iil-post tax-xogħol tiegħek. B’solidarjeta sħiħa ma’ dawn il-bdiewa, l-APAN tesiġi li l-gvern ibiddel dawn IL-pjanijiet u jsib soluzzjonijiet sensibbli li jagħmlu ġid lill-ambjent iżda li ma jweġġgħu lil ħadd.
//= $special ?>