Lokali

L-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem favur liġi li tipproteġi lill-persuni vulnerabbli

Il-konsultazzjoni li suppost wettaq il-Gvern dwar il-prostituzzjoni kienet intiża biex isservi biss ta’ paraventu għal min irid ikompli jistana minn fuq il-persuni vulnerabbli.  Dan huwa evidenti meta l-bieraħ il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li d-deċiżjoni dwar ir-riforma fil-qasam tal-prostituzzjoni diġà ttieħdet minkejja li l-proċess għadu għaddej.

Fi starrija maħruġa mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, iċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, is-Solidarjetà  Soċjali, il-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech, il-PN saħaq li minn dak li ħabbret is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ftit tal-jiem ilu, u proprju ftit jiem qabel Jum il-Mara, jidher ċar li hi u l-Gvern Laburista, mhux biss qed jinjoraw il-parir tal-esperti u riċerkaturi f’qasam daqshekk sensittiv iżda l-Gvern saħansitra ser ikun qed imur kontra dawn il-pariri.

L-Oppożizzjoni tfakkar li ftit tal-ġimgħat ilu numru ta’ esperti għamlu preżentazzjoni dettaljata quddiem il-Kumitat tal-Parlament dwar l-Affarijiet Soċjali u laqgħa oħra hija skedata li ssir nhar l-Erbgħa li ġej. Id-deċiżjoni li tħabbret mill-Prim Ministru fid-diskors ta’ l-bieraħ filgħodu tfisser li l-Gvern ma jridx ikompli jisma’ u ddeċiedi li jagħmel fattih.

Għall-Partit Nazzjonalista kwalunkwe tibdil f’liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-prostituzzjoni għandhom ikunu mibnija fuq żewġ prijoritajiet:

1.         Il-prostituzzjoni hija attività li tħalli impatt negattiv fuq dawk involuti fiha kif ukoll fuq is-soċjetà b’mod ġenerali; u

2.         Il-prostituti huma vittmi f’din l-attività u bħala persuni vulnerabbli għandhom jingħataw l-appoġġ kollu possibbli sabiex ikunu jistgħu joħorġu minn din l-attività.

L-Oppożizzjoni tfakkar ukoll li aktar minn 40 NGO li jaħdmu favur in-nisa u l-ugwaljanza diġà wissew li l-proposta tal-Gvern li jiddikriminalizza għal kollox l-attivitajiet marbuta mal-prostituzzjoni ser iwassal biex tiżdied b’mod drastiku l-prostituzzjoni f’pajjiżna u b’hekk jiżdied it-traffikar u l-abbuż ta’ persuni vulnerabbli l-aktar nisa u bniet.

Dwar dan il-qasam pajjiżna jista’ jitgħallem ħafna mill-iżbalji li wettqu pajjiżi oħra u minn soluzzjonijiet li sabu u wettqu b’suċċess pajjiżi oħra l-aktar dawk Ewropej.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jagħti widen għal dak li qegħdin jgħidu l-esperti f’dan il-qasam minflok jibqa’ għaddej bl-aġenda li taqdi u tipproteġi biss lil min irid jibqa’ jabbuża u jistana minn fuq il-prostituzzjoni u l-vittmi tagħha.