Futbol Sport

Mark Gatt isejjaħ l-iskwadra finali għal kontra l-Georgia

(Ritratt: Joe Borg)

Il-kowċ nazzjonali Malti tan-nisa Mark Gatt sejjaħ skwadra ta’ 20 plejer għall-impenn li jmiss mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew. Malta tilgħab kontra l-Georgia l-Ħamis li ġej qabel il-konfront kontra l-Bożnija t-Tlieta 10 ta’ Marzu, biż-żewġ logħbiet jintlagħbu fis-Centenary Stadium fis-6.30pm.

Mark Gatt żamm il-bażi tal-iskwadra li lagħbet kontra l-Iżrael f’pajjiżna u barra minn darna kontra l-Italja. Dawn il-logħbiet jistgħu jkunu importanti għaIl-plejer ta’ Swieqi United Dorianne Theuma hekk kif għandha l-possibbiltà li ssir l-ewwel plejer mara li tilgħab il-100 logħba.

Fl-iskwadra Maltija hemm diversi plejers li jilagħbu barra minn Malta. Dawn huma Rachel Cuschieri li tilgħab fl-Olanda, Maria Farrugia li tilgħab l-Ingilterra, Emma Lipman u Martina Borg li jilagħbu l-Italja. Għall-partita kontra l-Georgia, Nicole Sciberras, Shona Zammit u Ylenia Carabott mhux se jkunu disponibbli, bit-tliet plejers jistgħu jilagħbu kontra l-Bożnija.

Iżda Gatt sejjaħ għall-ewwel darba lill-attakkant żagħżugħa Haley Bugeja. Hi skorjat l-ewwel gowl internazzjonali fit-telfa kontra t-Turkija 2-1 f’Jannar li għadda. Malta lagħbet ukoll kontra l-Iżvizzera f’partita ta’ ħbiberija oħra li serviet ta’ preparazzjoni għal dawn il-logħob. Kontra l-Iżvizzera li tinsab fid-19-il post fir-rankings tad-dinja, Malta spiċċat 2-2.

Malta sa issa għandha punt minn żewġ logħbiet filwaqt li l-Georgia tilfet l-ewwel ħames logħbiet tagħha fil-grupp. Il-Bożnija kisbet tliet rebħiet u żewġ telfiet.

Skwadra finali

Gowlkipers: Janice Xuereb (Birkirkara), Jodie Attard (Raiders Għargħur), Patricia Ebejer (Mġarr United)

Difensuri: Stephania Farrugia (Birkirkara), Ann-Marie Said (Birkirkara), Alishia Sultana (Birkirkara), Emma Lipman (Florentia San Gimignano), Charlene Zammit (Swieqi United)

Midfielders: Gabriella Zahra (Birkirkara), Veronique Mifsud (Birkirkara), Rachel Cuschieri (PSV Vrouwen), Jade Flask (Swieqi United), Dorianne Theuma (Swieqi United), Emma Xuereb (Swieqi United), Roxanne Micallef (Mġarr United), Claudette Xuereb (Mġarr United)

Attakkanti: Brenda Borg (Mġarr United), Maria Farrugia (Sunderland Ladies), Haley Bugeja (Mġarr United), Martina Borg (Sassari Torres)