Lokali

Melvin Theuma mar Kastilja wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Melvin Theuma, il-middleman involut fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kellu laqgħa f’Kastilja f’Novembru tal-2017 – tliet ġimgħat biss wara li twettaq id-delitt.

Din kienet it-tieni żjara f’Kastilja minn Theuma fi żmien sitt xhur, meta kien ingħata xogħol fantażma mill-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri.

Il-ġurnal Times of Malta żvela li Theuma kien iltaqa’ mal-assistenta ta’ Keith Schembri Charlene Bianco Farrugia u l-laqgħa kienet organizzata minn Yorgen Fenech, ħabib kbir ta’ Keith Schembri … li bħalissa jinsab jiffaċċja akkużi ta’ kompliċita’ fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Skont it-Times, Melvin Theuma mar fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex ikellem liċ-Chief of Staff  dwar kwistjoni ta’ xogħolijiet fit-triq quddiem ir-residenza tiegħu fiż-Żurrieq. Theuma, li ngħata maħfra Presidenzjali biex jikxef kollox, ma semma xejn fix-xhieda tiegħu dwar din il-laqgħa f’Kastilja.

Dan kien fl-istess żmien meta Keith Schembri kien allegatament jgħaddi informazzjoni lil Yorgen Fenech dwar l-investigazzjonijiet, b’mod partikolari, dwar ir-raid li sar fil-Marsa u li wassal għall-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vincent Muscat. Skont l-investigaturi, il-pagamenti li l-Kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech, kellha tgħaddi lill-Kumpanija fil-Panama Tillgate ta’ Keith Schembri, setgħu kienu mottiv wara l-assassinju.

Din il-laqgħa tiżdied ma’ kuntatti oħrajn li Theuma kellu ma’ persuni f’Kastilja. Fosthom Kenneth Camilleri, li kien security mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Il-ġimgħa li għaddiet hu ammetta li kien iltaqa’ ma’ Melvin Theuma iżda qal li Keith Schembri ma kienx jaf b’din il-laqgħa.

Dan jikkontrasta mar-recordings ta’ Melvin Theuma fejn Yorgen Fenech kien qal li kien Keith Schebri li bagħat lil Kenneth Camilleri biex jitkellem ma’ Theuma.

F’recording ieħor, Yorgen Fenech instema’ jgħid li Keith Schembri inħakem minn paniku meta sar jaf li Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, kien qed jitlob maħfra Presidenzjali biex jikxef ir-rwol ta’ Melvin Theuma fl-assassinju.Vince Muscat, fimkien mal-aħwa Degiorgio, jinsab akkużat li splodew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. It-talba tiegħu għal maħfra Presidenzjali kienet miċħuda fuq rakkomandazzjoni tal-pulizija f’April tal-2018.