L-Iżraeljani qed jivvutaw fit-tielet elezzjoni ġenerali f’anqas minn sena u li se jkollha impatt kruċjali għall-futur tal-Prim Ministru u Kap tal-Partit Likud, Benjamin Netanyahu.
Is-sitwazzjoni, intant, għadha inċerta, b’din tkun l-ewwel darba li Iżrael kellu jgħaddi minn tielet vot nazzjonali f’anqas minn tnax il-xahar wara li Netanyahu u l-isfidant kbir tiegħu, Benny Gantz (tal-Partit Blu u Abjad taċ-ċentru), it-tnejn ma rnexxilhomx iwaqqfu gvern ta’ koalizzjoni wara l-elezzjonijiet preċedenti.
L-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni ukoll ma setax jindika favorit, b’Netanyahu qed jittama fir-rebħa peress li – sa ġimgħatejn oħra – hu mistenni jkun suġġett għal proċess bil-qorti biex iwieġeb għal akkużi ta’ korruzzjoni.
Intant, Netanyahu irid jidher il-qorti, f’Ġerusalemm, biex jisma’ il-mandat ta’ akkuża kontra tiegħu u wara li hu, f’Novembru, kien akkużat dwar tixħim, frodi u ‘abbuż ta’ fiduċja’ b’konnessjoni ma’ tliet każi separati. Il-Prim Ministru Iżrael qed jiċħad l-akkużi u anki jekk jinstab ħati mill-qorti, hu ma jkunx rikjest li jwarrab mir-rwol preżenti qabel ikun ‘eżawrixxa’ l-appelli skont il-proċess legali.
Netanyahu, li għandu 70 sena, hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li dam fil-poter u, fl-aħħar tas-sena l-oħra, kien rebaħ b’mod konvinċenti l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Likud ( tal-lemin) fil-Gvern.
Benny Gantz, li hu l-akbar theddida għal Netanyahu minn lat politiku, hu Ġeneral tal-Armata rtirat li serva bħala l-Kap tal-Istaff tal-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani qabel daħal fil-politika biex imexxi lill-Partit Blu u Abjad.
//= $special ?>