Il-kandidat Demokratiku għall-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti Pete Buttigieg habbar l-irtirar tal-kandidatura tiegħu.
Il-kandidat ta’ nisel Malti ta’ 38 sena ħa din id-deċiżjoni hekk kif il-kampanja tiegħu, wara bidu inkoraġġanti, tilfet mir-rankatura li kellha u ssarrfet f’riżultat diżappuntanti fl-elezzjoni tal-primaries tal-Partit Demokratiku fl-istat ta’ South Carolina.
Analisti qalu li dan ir-riżultat juri li Buttigieg ma rnexxielux jikseb il-fiduċja ta’ votanti afro-Amerikani, grupp demografiku li hu kruċjali jekk wieħed irid jagħti sfida serja lil Donald Trump f’Novembru li ġej.
Min-naħa l-oħra, ir-riżultat ta’ South Carolina ta spinta ġdida lill-kampanja tal-eks Viċi President Joe Biden wara bidu pjuttost fqir lejliet Super Tuesday – ġurnata fejn 14-il Stat tal-Istati Uniti jivvotaw flimkien.
Il-kandidat li bħalissa jinsab fuq quddiem hu s-Senatur minn Vermont Bernie Sanders. Jekk għada imur tajjeb f’dawn l-iStati, hemm possibilita’ li Sanders jista’ jikseb vantaġġ komdu fejn ħadd mill-kandidati l-oħra ma jista’ jilħqu.
Wara l-irtirar ta’ Pete Buttigieg, issa hemm sitt kandidati li qed jikkontestaw numru ta’ elezzjonijiet bil-għan li jiksbu n-nomina tal-Partit Demokratiku għall-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru.
//= $special ?>