“Sa issa għadna ma wasalniex. Nibqgħu nittamaw li naslu”
Hekk qalulna l-bdiewa u r-residenti tal-Magħtab wara laqgħa mal-Gvern f’Kastilja.
Il-laqgħa kienet imsejjħa wara li nhar is-sibt l-istess bdiewa u residenti niżlu mgħaddba jipprotestaw kontra l-Gvern li jrid joħdilhom l-art saqwi li ilhom jaħdmu s-snin.
Fi tmiem il-laqgħat f’Kastilja, intqal illi għad iridu jsiru aktar diskussjonijet, u li s’issa għad m’hemmx ftehim bejnhom u bejn il-Prim Ministru.
Il-bdiewa qalulna li l-għelieqi huma l-għixien tagħhom, u li ma jistgħux jitteħdulhom.
Il-kwestjoni żvolġiet fl-aħħar jiem wara li l-Wasteserv, permezz ta’ avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, avżat li se tkun qed tespropja u tieħu f’idejha, art saqwi li bħalissa qed tinħadem mill-bdiewa, biex tiġi estiża l-miżbla tal-Magħtab. Il-Gvern irid jieħu 226 tomna art; zona akbar minn 35 grawnd tal-footbal
Din l-aħbar irrabbjat kemm lill-bdiewa kif ukoll lir-residenti, li wkoll iltaqgħu mal-Gvern biex jiddiskutu dwar dan l-iżvilupp, b’rappreżentant ta’ dawn ir-residenti jgħidilna li jiġri x’jiġri, r-residenti se jbatu.
Ilħaqna lill-Prim Ministru qabel il-laqgħa, fejn qalilna li jrid isir xi tip ta’ kompromess.
Is-sibt filgħodu, kienu diversi r-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista li ingħaqgu mal-bdiewa u r-residenti, fosthom il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Edwin Vassallo, li qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni,u d-deputat Robert Cutajar.
Intant, wara li l-Prim Ministru Robert Abela qal li ried jiddiskuti mal-bdiewa, il-Ministru responsabbli mill-ambjent u l-immaniġjar tal-iskart Aaron Farrugia qal illi jeħtieġ jittieħdu d-deċiżjonijet, jew inkella nbatu l-konsgwenzi bħala pajjiż. Fil-Qorti ġie ppreżentat protest ġudizjarju mill-bdiewa, u ieħor mir-residenti, biex dan il-proġett kontroversjali jitwaqqaf.
//= $special ?>