Futbol Sport

Sturridge jtemm l-esperjenza ma’ Trabzonspor

(Ritratt: EPA)

L-attakkant Daniel Sturridge laħaq ftehim ma’ Trabzonspor biex itemm il-kuntratt mal-klabb. Sturridge ngħaqad ma’ Trabzonspor f’Awwissu li għadda u ffirma kuntratt ta’ tliet snin. Hu skorja seba’ gowls u rreġistra erba’ assists fil-kompetizzjonijiet kollha, bl-aħħar logħba tiegħu tkun fid-draw ta’ 2-2 kontra Besiktas qabel weġġa’. Il-klabb ma żvelax x’kienet ir-raġuni li l-kuntratt ġie tterminat.

Sturridge beda l-karriera professjonali ma’ Manchester City fl-2006 qabel ingħaqad ma’ Chelsea tliet snin wara. Hu għamel nofs staġun b’self ma’ Bolton Wanderers qabel ingħaqad ma’ Liverpool fl-2013. Mat-tim minn Merseyside hu kellu żewġ staġuni mill-aqwa qabel tilef postu, kawża wkoll ta’ injuries li kellu. Fl-2018 lagħab nofs staġun b’self ma’ West Bromwich Albion.

Fil-karriera tiegħu rebaħ il-Premier League, darbtejn l-FA Cup u ċ-Champions League ma’ Chelsea filwaqt li rebaħ Champions League ma’ Liverpool fl-istaġun li għadda.