Lokali

Ħidma li involviet 30 membru tal-Protezzjoni Ċivili

Ħidma li damet għaddejja iktar minn seba’ sigħat. Ħidma li nkludiet iktar minn tletin membru tal-Protezzjoni Ċivili. Ħidma delikata fi ġlieda kontra l-ħin sabiex tinstab l-omm li ntradmet taħt it-tifrik tad-dar tagħha stess.

F’dan il-proċess ix-xoghol tal-membri tal-protezzjoni ċivili kien importanti ferm hekk kif baqgħu jaħdmu sal-aħħar fi sforz sabiex tinstab din il-mara.

Tkellimna mad-Deputat Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro, illi spjegalna fid-dettall il-ħidma delikata li saret.

Peter Paul Coleiro jgħidilna li l-ħidma ta’ salvataġġ tant kienet waħda delikata li ma setgħetx tinvolvi ammont kbir ta’ nies f’daqqa minħabba l-periklu li kien hemm.

Kruċjali f’dan is-salvataġġ kienet il-ħidma tal-klieb tas-Sezzjoni K9 tal-Protezzjoni Ċivili.

Din il-ħidma qalb it-tifrik tal-bini involviet madwar tletin persuna mill-Protezzjoni Ċivili kif ukoll l-għajnuna tal-AFM u diversi NGO’s.

Minkejja li din il-ġrajja spiċċat b’toghma morra… il-ħidma ta’ dawn in-nies tibqa’ apprezzata ferm hekk kif finalment huma jpoġġu ħajjithom fil-periklu sabiex jipprovaw isalvaw il-ħajja ta’ ħaddieħor.