Futbol Sport

Il-President ta’ Inter bi kritika diretta lejn il-President tas-Serie A

(Ritratt: EPA)

Il-President ta’ Inter Steven Zhang sejjaħ lill-President tal-Lega Serie A Paolo Dal Pino bħala “buffu” wara kitba fuq il-media soċjali. Dan wara deċiżjonijiet tal-aħħar minuta mill-uffiċjali tal-kampjonat dwar jekk il-logħbiet għandhomx jintlagħbu normali, jintlagħbu bil-bibien magħluqa jew saħansitra jitħassru. Il-Gvern Taljan issospenda l-avvenimenti sportiv fir-reġjuni ta’ Lombardia, Veneto u Emiglia-Romagna u sa issa ġew sospiżi 10 logħbiet mis-Serie A.

Minkejja li l-Gvern ta l-għażla lis-Serie A biex jilagħbu bil-bibien magħluqa, il-klabbs ma jistgħux jaqblu jekk l-għażla hi preferibbli milli jipposponu l-logħbiet kollha. Il-Ħamis li għadda, is-Serie A qalet li ħames logħbiet fir-reġjuni affettwati se jintlagħbu bil-bibien magħluqa iżda s-Sibt inbidel il-ħsieb u ġew poposti għat-13 ta’ Mejju. Fosthom kien hemm il-logħba mistennija bejn Juventus u Inter il-Ħadd filgħaxija.

“Nilagħbu bil-kalendarju u dejjem inpoġġu s-saħħa pubblika bħala konsiderazzjoni sekondarja. 24 siegħa, 48 siegħa, sebat ijiem? X’iktar? X’inhu l-pass li jmiss? U issa qed titkellem dwar kompetizzjoni ġusta? Imissek tistħi. Wasal iż-żmien li tqum u terfa’ r-responsabbiltà. Dak li nagħmlu fl-2020,” qal Zhang. Il-Federazzjoni Taljana jidher li fetħet investigazzjoni fuq ir-rimarki ta’ Zhang. Xi klabbs li għandhom żewġ logħbiet posposti fosthom Inter, iħossuhom fi żvantaġġ sportiv kontra dawk li lagħbu b’mod normali. Inter jinsabu tmien punti bogħod minn Lazio b’żewġ logħbiet nieqsa u jinsabu sitt punti taħt Juventus b’logħba anqas.

Tags