Futbol Sport

Jacques Scerri jirriżenja minn kowċ ta’ Balzan

(Ritratt: Martin Agius)

Tasal fi tmiemha l-avventura ta’ Jacques Scerri bħala kowċ ta’ Balzan. F’messaġġ fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Scerri qal li ma kinitx deċiżjoni faċli iżda jemmen li kien wasal iż-żmien li jieħu dan il-pass. Għalkemm l-esperjenza ta’ Scerri damet biss madwar sena, hu se jibqa’ mniżżel fl-istorja tal-klabb hekk kif fi tmiem l-istaġun li għaddam , mexxa lil Balzan għar-rebħ tal-ewwel unur maġġuri tagħhom bil-kisba tal-FA Trophy.

Hu jiddeskrivi din is-sena bħala “sena mimlija emozzjonijiet ta’ mumenti mill-isbaħ u oħrajn negattivi. F’dan iż-żmien dejjem iffaċċjajt diversi ostakli, b’passjoni kbira, lealtà u impenn.” Scerri rringrazzja lin-nies kollha li ħadem magħhom fil-klabb flimkien mal-partitarji. Hu b’mod speċjali rringrazzja lill-plejers kollha, lill-President Anton Tagliaferro, lid-Direttur Sportiv Vladimir Simovic tal-opportunità li jmexxi lit-tim.

(Ritratt: Joseph Galea)

Scerri kien ingħaqad ma’ Balzan fi Frar tas-sena l-oħra flok Marco Micovic. Hu mexxa lit-tim għall-aħħar għaxar logħbiet fil-kampjonat b’erba’ rebħiet, erba’ draws u żewġ telfiet miksuba, bit-tim ta’ Balzan itemm il-kampjonat fis-sitt post, tliet punti taħt Ħamrun Spartans li spiċċaw ir-raba’. Iżda r-rebħ tal-FA Trophy ftit wara tat ukoll garanzija li Balzan kienu se jipparteċipaw fil-UEFA Europa League għall-ħames staġun konsekuttiv.

F’dan l-istaġun huma kienu eliminati minn Domzale b’aggregate ta’ 5-3 fl-ewwel rawnd tal-UEFA Europa League. Fil-kampjonat, Scerri se jħalli lit-tim fis-seba’ post b’25 punt minn 19-il logħba. Iżda s-Sibt li għadda huma kienu eliminati mill-kwarti tal-finali tal-FA Trophy kontra t-tim tal-Ewwel Diviżjoni Pietà Hotspurs, telfa li kienet deċiżiva għar-riżenja ta’ Scerri.

Din ir-riżenja tkompli s-sensiela negattiva ta’ kowċis li tilfu posthom f’dan l-istaġun. Scerri sar id-disa’ kowċ li ma spiċċax l-istaġun wara John Buttigieg, Marko Glumac, Mario Muscat, Giovanni Tedesco, Manuele Blasi, Darren Abdilla, Alfonso Greco u Giorgio Roselli. B’hekk huma biss Vincenzo Potenza ta’ Floriana, Steve D’Amato ta’ Sirens, Stefano Sanderra ta’ Hibernians, Mark Miller ta’ Mosta, Oliver Spiteri ta’ Santa Lucia u Josef Mansueto ta’ Gudja li bdew l-istaġun u għadhom fil-kariga.

Tags