Il-Malta Developers Association (MDA) fi stqarrija esprimiet il-kondoljanzi tagħha lill-familja ta’ Miriam Pace, il-vittma tal-inċident tal-bieraħ f’Santa Venera.
Din kienet traġedja oħra li setgħet ġiet evitata kieku dawk kollha responsabbli żguraw li r-regolamenti kollha eżistenti, l-etika professjonali u l-infurzar jkunu segwiti qalet l-MDA.
Fiċ-ċirkostanzi attwali, l-MDA trid tiċċara, għal darb’oħra, li hija assoċjazzjoni volontarja li tirrappreżenta investituri fl-industrija u mhux ir-regolatur. L-MDA m’għandha l-ebda rwol li tissorvelja jew tinforza r-rwoli ta’ Periti, Uffiċjali Tekniċi tas-Sit u kuntratturi fuq siti ta’ żvilupp waqt ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li għaddejjin.
Dan hu r-rwol ta’ diversi entitajiet iffinanzjati pubblikament, li fuqhom l-MDA ilha tisħaq b’mod konsistenti matul l-aħħar snin għall-ħtieġa ta’ riforma bir-reqqa, sfortunatament bi ftit progress.
Wara l-avvenimenti traġiċi tal-bieraħ, l-MDA tappella lil dawk kollha responsabbli biex jassiguraw li, mingħajr aktar dewmien, dawk kollha responsabbli għall-inċident traġiku jinżammu responsabbli u jiffaċċjaw il-konsegwenzi.
Fl-istess ħin, l-MDA qed tinsisti mill-ġdid li jeħtieġ li jiġu introdotti riformi reali u infurzar aktar tanġibbli, wara djalogu, sabiex dawn l-inċidenti jiġu evitati.
L-MDA, bħall-bqija tal-popolazzjoni, għadha ma tafx min kien responsabbli għall-inċidenti traġiċi simili tas-sena l-oħra fl-industrija, peress li l-inkjesti għadhom għaddejjin.
Għandna bżonn kontabilità f’perjodi ta’ żmien aċċettabbli, kompliet tgħid l-istqarrija.
Filwaqt li l-MDA m’għandha l-ebda problema li tirrikonoxxi li hemm problemi fl-industrija, huwa inaċċettabbli li l-Periti li huma responsabbli biex jissorveljaw proġetti ta’ kostruzzjoni, huma wkoll investituri fl-istess proġetti.
L-MDA ttenni l-pożizzjoni tagħha li m’hemmx lok għal xi illegalità u tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jassiguraw li l-entitajiet responsabbli jagħmlu xogħolhom skond l-ambitu tagħhom.
//= $special ?>

