Futbol Sport

Liverpool eliminati mill-FA Cup minn Chelsea … isofru t-tielet telfa fl-aħħar erba’ logħbiet

(Ritratt: EPA)

Chelsea sar it-tieni tim li avvanza mal-aħħar tmienja tal-FA Cup b’rebħa ta’ 2-0 kontra Liverpool fi Stamford Bridge. Din kienet it-tielet telfa mill-aħħar erba’ logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha għal Liverpool. Ir-riżultat fisser li ntemmet it-tama li Liverpool jiksbu t-tripletta f’dan l-istaġun.

It-tim ta’ Frank Lampard fetaħ l-iskor wara biss 13-il minuta meta minn żball ta’ Fabinho, Willian prova b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li l-gowlkiper Adrian salva mingħajr ma żamm, bil-ballun jibqa’ dieħel fix-xibka.

L-iskor sar 2-0 fl-64 minuta b’kontrattakk li minnu Ross Barkley avvanza minn nofs grawnd u baqa’ tiela sa kważi l-kaxxa l-kbira, fejn kellu l-ispazju neċessarju biex seta’ jegħleb lil Adrian b’xutt minn pożizzjoni ċentrali.

Tliet minuti wara, Pedro Rodriguez kellu ċans jiskorja t-tielet gowl meta avvanza waħdu għal diversi metri iżda x-xutt fil-baxx ġie salvat minn Adrian. Il-gowlkiper Spanjol saħansitra ċaħħad lil Olivier Giroud fl-74 minuta meta salva bl-għajnuna tal-mimduda.

Tags